Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Festa tal-Qargħa Ħamra

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kemm jagħmlu sabiħ fil-kampanja l-qara’ aħmar fuq il-bjut tal-irziezet! Tant huma sbieħ li anki f’ċerti presepji bi stil Malti, jagħmlulek razzett u fuq il-bejt jitfgħulek il-qara’ xxamplati fix-xemx biex juru li dik ix-xena hija Maltija.

Il-qargħa ħamra tfakkarni wkoll fit-tjubija tagħha fl-ikel. Speċjalment fix-xitwa, f’jum ta’ kesħa ma hawnx itjeb minn naqra soppa ta’ qara’ aħmar sħuna, jew xi platt minestra jsaħħanlek l-istonku. Jagħmluha wkoll torta, jagħmlu għaġin biha u hawn min anki fil-ħelu jużaha.
Mindu f’Malta bdejna niċċelebraw il-festa ta’ Halloween, il-qargħa ħamra saret ftit iktar importanti.

Ħafna nies jixtru xi waħda sħiħa, mentri s-soltu nixtru biss xi biċċa għas-soppa, inaddfuha minn ġewwa u l-mili tagħha jużawh għall-ikel, imbagħad itaqqbuha biex jiffurmaw xi wiċċ ikreh għal Halloween.

F’Halloween tinħareġ fid-dlam, titpoġġa xemgħa f’nofsha u bejn dawl u dellijiet toħloq ambjent ta’ biża’ għall-aħħar ġurnata ta’ Ottubru, lejlet ix-xahar tal-mejtin.

Il-kelma Halloween ġejja minn Hallows Evening, jiġifieri lejlet Jum il-Qaddisin kollha. Jingħad li nbdiet żmien ilu imma dan l-aħħar żiedet fil-popolarità u bħal kull festa oħra ġiet ikkummerċjalizzata. Kull simbolu tal-biża’, sħaħar, għanqbut, brimb, ħsejjes ta’ iħirsa flimkien mal-kuluri iswed tal-mewt u oranġjo ta’ qargħa, kollha saru parti minn din il-festa.

Hemm imbagħad il-kostumi, naturalment ukoll kollox tal-biża’. Tara tfal lebsin kostumi biex ibeżżgħu, imma ħelwin wisq u ma jbeżżgħu lil ħadd. Jiġu jħabbtu l-bibien u kif tiftħilhom jgħidulek Trick or Treat! U aħna dejjem ikollna xi naqra ħelu biex jieħdu gost f’din il-festa għat-tfal. Il-Knisja ma hix favur din il-festa, imma naħseb dawn it-tfal li jiġu ferħanin b’xi kostum li xtratilhom il-mummy biex jiddubbaw naqra ħelu, żgur ma jagħmlu xejn ħażin. Tal-ħwienet żgur ma humiex kontra Halloween.

Issib min ibiegħ il-kostumi, min jimla l-armatura bit-tiżjin li qiegħed isir popolari kważi daqs tal-Milied, u oħrajn ibiegħu il-ħelu biex jitqassam fit-Trick or Treat… u bilħaqq tal-ħaxix li jbiegħ il-qara’ aħmar.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN