Radju Kafé
Kurżitajiet

Il-festi u l-kaloriji… ċirku vizzjuż

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Le, le, dak mhux jien tar-ritratt, għalkemm ma tantx jien differenti wisq.

Għax il-festi jiġu biex nieklu aktar mis-soltu. Il-festi jiġu biex niftakru f’dawk li huma fil-bżonn, u anki dawk bil-ġuħ… imma aħna ma nibqgħux bil-ġuħ lanqas. U kif!!

Il-festi tista’ tgħid li issa għaddew u ħafna diġa bdew iżarmaw it-tiżjin. Aħna u nżarmaw it-tiżjin forsi ngħoddu n-numru ta’ rigali li qlajna, jew in-numru ta’ kartolini li rċivejna… u forsi aħjar ngħoddu wkoll il-kaloriji żejda li kkunsmajna u ċ-ċentimetri li żidna madwar qaddna.

Issa jkollhom xalata jirreklamaw in-nutritionists u dawk li għandhom xi stabbiliment fejn tista’ tmur biex tnaqqas il-piż. U nibdew nisimgħu ħafna jitkellmu dwar il-proteini, vitamini, karboidrati, xaħmijiet u ħafna dieti bil-miktub u jekk tiżbalja tagħmel dnub!

Dejjem l-istess jiġri fil-festi u dejjem l-istess jiġri wara l-festi… L-ewwel nieklu ħafna imbagħad nibdew is-sena bir-riżoluzzjoni li se jibda jgħaddi d-dawl minna. Imma dik tkun l-aktar riżoluzzjoni li tinkiser. Għax ngħiduha kif inhi! Matul is-sena mhux il-festi tal-Milied biss jaslu. Ftit wara li nibdew id-dieta fil-bidu tas-sena, malajr jasal il-Karnival, u kif tista’ ma dduqx il-prinjolata?

Imbagħad malajr jasal ir-Randan. Għalkemm jgħidu li l-ikel tar-Randan suppost jissimbolizza sagrifiċċju, dak l-iktar ikel li nħobb… biċċa ħobż tal-Malti tqarmeċ imxappa fiż-żejt taż-żebbuġa mal-aljoli, kapunata, ġardiniera u artiċoks, jew xi platt ravjul imburġat mimli parmeġġjan fil-wiċċ… imma l-aqwa li ma niklux laħam!  Biex insumu hux! Bilkemm ma tagħmilx bina d-debbulizza! Imbagħad xi ngħidu għall-kwareżimal u aktar tard għall-figolli? Kif tista’ tiċċaħħad minnhom?

U wara l-Għid jiġi s-sajf… festa oħra għall-ħobż iqattar iż-żejt maġenb il-baħar u xi ġilat ma jispiċċa qatt bi tliet togħmiet differenti. U meta tasal il-festa tar-raħal ma nkunux mistednin għal xi ikla għand tal-familja li ma jkunux kuntenti qabel jarawna se nixpakkaw bl-ikel li jagħtuna? U dan biex ma nsemmux il-birra mill-każini u xi naqra qubbajd mill-pjazza tar-raħal… kollu bil-lewż, Sinjura!

U fil-Halloween nixtru ħafna ħelu biex nagħtu lit-tfal li jiġu jħabbtulna, u la jkollna l-ħelu ma nduqux xi tnejn jew? U jasal San Martin ukoll bil-ġid kollu li jkollu fil-borża. U malajr jerġa’ jasal il-Milied bid-dundjan, mince-pies, qagħaq tal-għasel, il-pudina tal-Milied, il-kejk tal-Milied, il-Christmas Log, il-qastan imbuljuta, l-inbid sħun imħawwar u ħafna u ħafna aktar…

U kif tista’ żżomm ir-riżoluzzjoni li tnaqqas il-piż? U x’ma jirreklamawx in-nutritionists?

U jerġgħu jgħaddu l-festi, u nerġgħu nieħdu ritratt bħal dan t’hawn fuq… jekk mhux xi ftit akbar ukoll.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN