Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Il-Festival

WAQT IL-KAFÈ…ma’ Joe Julian Farrugia

Il-Maltin minn dejjem iħobbu l-mużika. Xejn inqas il-kanzunetta. Mill-bidu tar-radjijiet f’Malta, il-Maltin kienu jaqbdu stazzjonijiet Taljani li kienu jdoqqu kanzunetti Taljani popolari, speċjalment mill-Festival ta’ San Remo.

Qabel ma wasal it-televiżjoni u allura qabel ma setgħu jaraw San Remo, il-Maltin kienu diġà tħajru li jkun hawn festival f’Malta, konkors li fih kantanti u kanzunetti jikkompetu bejniethom. L-ewwel darba li sar il-festival fuq skala nazzjonali kien fl-1960. Kien organizzat miż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara u kien jismu Malta Song Festival b’akkumpanjament ta’ żewġ orkestri. Kien ittella’ fir-Radio City Opera House fil-Ħamrun f’Novembru ta’ dik is-sena u kien imfassal fuq il-mudell ta’ San Remo. Infatti l-kanzunetti kollha minbarra waħda kienu tkantaw bit-Taljan. L-eċċeżżjoni kienet il-kanzunetta li kanta Frans Fenech, li kien kanta bil-Malti. Il-Festival baqa’ jsir b’mod regolari fi swali differenti u maż-żmien il-kanzunetti kollha kellhom ikunu bil-Malti.

Fis-snin 80, il-Festival sar aktar nazzjonali meta beda jkun organizzat mid-Dipartiment tal-Kultura u allura taħt l-awspiċi tal-Gvern. Il-Festival beda jsir fis-Sala Repubblika ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, l-akbar sala f’pajjiżna, f’binja li kienet għadha kif ġiet restawrata. Kienu jissemmgħu il-kanzunetti kollha fuq ir-radju u permezz ta’ kartolini apposta, l-pubbliku seta’ jivvota għall-kanzunetta favorita tiegħu. Saru l-isbaħ serati, b’mużika mill-aqwa b’akkumpanjament ta’ orkestra magħmula minn membri tal-Orkestra tal-Manoel u mill-Banda Militari tal-Forzi Armati. Kienu anki jkunu mistiedna jkantaw il-kanzunetta Maltija b’lingwi oħrajn kantanti barranin u kien jissejjaħ Il-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija.

Meta Malta reġgħet daħlet fil-Eurovision fl-1991, fil-festival bdew jitkantaw kanzunetti kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż biex min jirbaħ imur jirrappreżenta lil Malta. F’nofs is-snin disgħin, il-festival inqasam u bdew isiru tnejn, wieħed bl-Ingliż għall-Ewropa fi Frar u dak tal-Kanzunetta Maltija f’Ottubru, it-tnejn mingħajr orkestra.

Kienet ħasra li fil-bidu tal-millennju l-ġdid xi ħadd iddeċieda li jneħħi l-Festival tal-Kanzunetta Maltija. Għal 11-il sena dan ma sarx sakemm fl-2013 reġa’ sar f’Novembru b’orkestra żgħira. Għal xi raġuni amministrattiva reġa ma’ sarx mill-2014 sal-2020. Fl-2021 il-festival reġa’ lura bi kbir, u aktar kbir minn qatt qabel. Il-festival sar jismu Mużika Mużika u kien bidu ġdid għall-mużika Maltija.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN