Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Gardjola

WAQT IL-KAFÈ… ma’ Joe Julian Farrugia

Żmien ilu, l-aħbarijiet fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali kien jiftaħ b’filmat li kien jinkludi l-Gardjola tal-Isla. Ma naħsibx li kienu jġibu lilha sempliċiment għax il-post huwa sabiħ b’arkitettura storika…

Il-Gardjola hija torri minn fejn l-għassies kien jista’ minn post wieħed iħares il-belt tal-Isla minn kull intervent fil-Port il-Kbir. Minnha tara kull angolu tal-ponta tal-Isla għal fuq il-baħar. Mal-Gardjola hemm skolpiti għajn, widna u tajra biex jissimbolizzaw il-ħarsien tax-xtut Maltin. U kienu propju dawn li wasslu biex ritratt tal-post ikun inkluż fil-filmat tal-aħbarijiet fl-imgħoddi. Mill-Gardjola tara u tisma kulma jiġri fl-inħawi bħalma fl-aħbarijiet tara u tisma dak kollu li jkun qiegħed jiġri madwarna…

Il-Gardjola tinsab fit-tarf ta’ ġnien il-ġmiel tiegħu. Il-veduti li tara minnu jħabbtuha biss ma’ taż-żewġ Barrakki fil-Belt Valletta. Minkejja li l-ġnien żgħir, il-veduta tpatti sewwa.

L-antiki jgħidu li fl-imgħoddi l-Isla kienet kollha siġar. Kien hemm biss knsija żgħira ddedikata lil San Ġiljan. Kienet maqtugħa minn Malta b’xi ftit baħar u kienet magħrufa bħala Isola di San Giuliano bit-Taljan. L-art ingħaqdet mal-bqija ta’ gżiritna biss meta nbnew is-swar. Għall-bidu tal-Ordni f’Malta, minħabba li kienet maqtugħa għaliha u mimlija siġar, il-Kavallieri kienu jużawha biex jitfgħu xi annimali fiha u jmorru jikkaċċjaw għalihom. La kienet imdawra bil-baħar, imsieken, ma kellhom imkien fejn jiżgiċċaw. Maż-żmien din l-art ħadd ma baqa’ jsejħilha għal San Ġiljan u baqgħi jgħidulha biss Isla (isola).

Meta f’nofs is-seklu sittax kien deċiż li jinbnew is-swar minħabba l-qrubija lejn Sant Anġlu, l-art ħadet forma ta’ fortizza, bdew jinbnew ir-residenzi u l-Gran Mastru la Sengle taha t-titlu ta’ belt għal ismu… Senglea. Aktar tard, wara l-Assedju l-Kbir il-Gran Mastru la Valette taha titlu ieħor; Citta Invicta, belt mhix mirbuħa. Minħabba l-bini tal-belt, mill-ħafna siġar li kien hemm qabel tħallew biss ftit f’roqgħa lejn il-ponta fejn hemm il-Gardjola.

Min jaf x’rat il-Gardjola matul is-snin… hi biss tista’ tgħid. Il-ġelba siekta imma għandha ħafna xi tgħid.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN