Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Ġebla tal-Franka

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Il-blata li tifforma pajjiżna hija magħmula minn sediment li nġabar maż-żmien u li jinkludi ħafna fdal ta’ organiżmi ċkejkna tal-baħar bal bebbux u arzell. Il-blata Maltija fiha diversi saffi. Mhux neċessarjament li f’kull parti tal-gżejjer tagħna ssib is-saffi kollha. F’ċerti postijiet issib aktar minn saff partikolari waqt li banda oħra tista’ ssib ftit li xejn minnu. Is-saff tal-franka l-aktar li jinstab huwa fl-inħawi bejn iż-Żurrieq u s-Siġġiewi. Infatti fir-raba’ ta’ dawn l-inħawi tara ħafna barrieri tal-franka, uħud minnhom fondi sew! F’Għawdex issib barrieri tal-franka fin-naħa ta’ fuq tal-gżira.

Jingħad li l-kelma franka ġiet minħabba li din it-tip ta’ ġebla hija ħielsa, franka minn xi impuritajiet li ma jagħmluhiex tajba biex tinħadem għall-bini. Infatti l-maġġoranza kbira tal-bini f’Malta u Għawdex huwa magħmul minn din il-ġebla. Il-lewn u l-għebusija tal-ġebla tvarja wkoll skont minn fejn maqtugħa. Per eżempju huwa magħruf li l-franka tas-Siġġiewi u ta’ Għawdex hija bajda silġ u ratba ħafna u allura tajba ħafna għall-iskultura. Min-naħa l-oħra l-ġebla fl-inħawi tal-Qrendi hija xi ftit ħamranija u aktar iebsa u allura ħafna aħjar għall-bini.

Tara ġmiel ta’ faċċati magħmulin mill-knaten tal-franka fuq il-fil. Sabiħa l-ġebla u sabiħa s-sengħa tal-bennej Malti li kapaċi jsawwarha, minkejja li hu xogħol ta’ tbatija. Mill-ġebla tara balavostri, xorok, blajjet u saljaturi fost oħrajn f’ħafna djar u binjiet. Minkejja li jgħaddi ż-żmien u lewn il-ġebla jinbidel, xorta tibqa’ sabiħa.

Kien hemm żmien meta kienet moda tinħadem il-ġebla tal-ġidra, jiġifieri l-faċċata tagħha ma tkunx lixxa, iżda bid-daqqa tal-għodda biex tieħu xejra aktar naturali.

Ħasra li l-ġebla tal-franka qiegħda tonqos u d-dehra sabiħa tagħha fil-binjiet tagħna qed tinbidel għal dik kerha tal-konkos griż. Ix-xogħol fuq il-ġebla qabad it-triq għan-niżla.

L-Unjoni Internazzjonali għax-Xjenzi Ġeoloġiċi tirrikonoxxi li l-ġebla Maltija jistħoqqilha għarfien bħala riżorsa ta’ wirt dinji, rikonoxximent xieraq anki b’ħajr lin-nies kollha li matul is-snin ħadmu fil-barrieri u fil-bini tal-bliet u rħula tagħna.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN