Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Ġelat tat-Tieġ

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kien ikun l-aktar ħaġa mistennija kull meta nkunu mistednin tieġ. B’differenza mil-lum, it-tqassim tal-ġelat, meta kont żgħir jien, kien isir fil-bidu nett tat-tieġ. Kont inkun nistenna fuq ix-xwiek li jaslu l-għarajjes biex mal-ewwel joħorġu l-wejters bil-ġelat. U ngħid id-dritt, kont noqgħod f’pożizzjoni li ma jmurx il-wejter ma jindunax bija u jaqbiżni.

Il-ġelat inħobbu wisq, sajf u xitwa, u għadni sa llum. Imma l-ġelat li kienu jagħtuna f’xi tieġ m’hawnx itjeb minnu. Kien ikollna tiġijiet fix-xitwa u xi nies ma kinux jiħduh minħabba l-kesħa. Jien qatt ma tlift wieħed… anzi ġieli ħadt ta’ ħaddieħor ukoll. It-togħma ħelwa mal-frott magħquda flimkien f’għaġna kiesħa ma nirreżistihiex.

Dak iż-żmien ma konniex nisimgħu b’ħalib xkumat jew affarijiet tad-dieta u għalhekk il-ħalib użatkien ikun sħiħ, bix-xaħam b’kollox u allura b’togħma ġenwina u ġelat kremuż. Kważi kważi llum ngħid li tant kollox bidel it-togħma li ġelat bħat-tiġijiet ta’ dak iż-żmien impossibbli li ssibu.

Kien ikun magħmul mill-ħalib tal-bott, zokkor, kannella, lewż, konfettura, imsiemer tal-qronfol, essenza tal-vanilla u qxur tal-lumi. Kif jista’ ma jkunx tajjeb? Imbagħad xi ngħidu għal dik il-panedispanja irqiqa u tawwalija li kienu jservu mal-ġelat?

Il-ġelat kienu jaħżnuh f’bezzun magħmul minn kontenitur kbir ġo ieħor tal-injam. Kien ikollhom is-silġ u l-melħ bejniethom biex il-ġelat iżomm kiesaħ u ma jdubx.

Hawn min isejjah dal-ġelat bħala tan-nanna, jew sempliċiment il-ġelat Malti. L-aktar ġelat qrib dik it-togħma kienet tkun fil-ġelat sliced… imħallat abjad mal-kannella maqtugħ trianglu u servut f’biċċa karta strazza. Konna nixtru minnu minn xi gabbana Għar id-Dud f’Tas-Sliema inkella mingħand tal-vann ħdejn il-baħar f’Birżebbuġa… dak li kien jiġi jdoqq melodija xi valz biex iħajjar in-nies jixtru l-ġelat.

Niftakar kien hemm vann partikolari li kien anki jdoqq melodija tal-Milied… fl-eqqel tas-sajf maġenb il-baħar. Lura għal meta kont ħafna iżgħar… l-akbar diżappunt għalija fit-tiġijiet kien meta saret moda lil-ġelat, minflok fil-bidu, joħroġ fl-aħħar. Kull meta konna nitilqu kmieni konna nitilfuh… u għalija qisna ma morna xejn.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN