Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Girna

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ma tantx għadek issib minnhom, imma meta tara waħda bilfors tieqaf u tħares lejha, mhux biss lejn l-estetika ħelwa tagħha, imma wkoll bħala apprezzament ta’ kif inbniet f’sintonija mal-ambjent fi żmien meta periti u studji arkitettoniċi lanqas biss kienu għadhom jeżistu.

Il-girna hija kamra żgħira fir-raba’ mibnija bl-istess tip ta’ ġebel li jinbnew il-ħitan tas-sejjieħ. Huma binjiet li jagħmlu parti mill-wirt arkitettoniku u kulturali ta’ pajjiżna. Fi żmien meta trasport ma tantx kien hawn u kemm il-bdiewa kif ukoll ir-rgħajja kienu jqattgħu ġranet sħaħ fir-raba’ bla ma jmorru lejn id-dar, il-girna kellha l-għan li sservi ta’ kenn mix-xemx, ix-xita u l-irjieħ jew biex jistrieħu. Kienu jużawha wkoll biex fiha jżommu xi ikel, xorb jew xi għodda li kienu jużaw fir-raba’.

Normalment il-giren kienu mibnija f’forma tonda, għalkemm instabu wkoll uħud kwadri jew rettangolari. Fil-bini tagħhom ma kienx jintuża tajn u allura t-teknika kienet tixbaħ lil dik tal-ħajt tas-sejjieħ. Il-ħajt kien ikun doppju u l-vojt ta’ bejniethom kien jimtela’ b’mazkan, ramel u deffun. Il-ħajt ta’ barra kien jinbena kemmxejn inklinat. Minn ġewwa s-saqaf kien ikun forma ta’ koppla billi kienu jpoġġu ġebel fuq xulxin f’forma ta’ taraġ sakemm il-ftuħ li jifdal ikun djieq biżżejjed biex jingħalaq b’ġebla waħda ċatta.

Fuq is-saqaf ċatt tal-girna, xi bdiewa kienu saħansitra jnixxfu t-tadam, tin jew ħarrub. Il-girna jkollha bieb wieħed imsaqqaf bi blata ċatta u tawwalija, għalkemm xi giren kellhom il-bieb tagħhom imsaqqaf f’forma ta’ arkata. Il-bieb tal-girna dejjem ikun iħares lejn il-lvant. Sa għexieren ta’ snin ilu kien għad hawn ċerti giren abitati min-nies.

Għadna nsibu għadd ta’ giren fit-tramuntana u l-punent ta’ Malta. Fil-lvant, minħabba li ħafna raba’ kellu jagħmel wisa’ għall-iżvilupp, ftit għadek tilmaħ minnhom. Fattur li ħadd għadu ma spjega huwa kif f’Għawdex, minkejja li għad fadal ħafna raba’, ftit li xejn instabu minn dawn il-giren.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN