Joe Julian Filgħodu

Il-Gżejjer

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Tmur fejn tmur fuq ix-xtajta madwar San Pawl il-Baħar tarahom żgur. U joffru l-isbaħ xenarju fuq dik il-wesgħa baħar sabiħa n-naħa ta’ fuq ta’ Malta; żewġ gżejjer tawwalin b’art baxxa tgħaqqadom li ġieli titgħatta bil-baħar, u fuq l-għola parti statwa kbira tal-ġebel ta’ San Pawl fuq pedestall imponenti fuq il-gżejjer u l-bajja kollha.

Sa nofs is-seklu 16, il-gżejjer kienu msemmija għall-kunjom Salomone, minħabba li dik il-familja sinjura kienet propjetarja tal-art fil-qrib fil-Mellieħa. Infatti fuq il-mapep ta’ dak iż-żmien il-gżejjer jidhru bħala Isola Salomone u Isola Salomonetto, jiġifieri Selmun u Selmunett. Ta’ min jgħid li fuq l-art fil-qrib hemm ukoll il-Kastell ta’ Selmun fuq l-art imsemmija għall-istess familja.

Iżda l-gżejjer huma aktar magħrufa għall-qaddis li jingħad li l-ġifen li kien fuqu ħabat magħha. U dan minkejja li hemm tejoriji differenti jekk il-gżejjer kinux il-post tan-Nawfraġju inkella le. Imma hemmhekk twaqqfet l-istatwa ta’ San Pawl fl-1845, maħduma minn Siġismond u Salvu Dimech. Filfatt il-gżira l-kbira llum tissejjaħ il-Gżira ta’ San Pawl u ż-żgħira hija l-Gżira tal-Kwarz.

Binja oħra fuq il-gżira l-kbira kien torri mibni mill-Gran Mastru Lascaris. U dan it-torri li serva bħala għassa għall-furbani f’nofs dak il-baħar miftuħ, kien fis-seklu li għadda inbidel u beda jservi ta’ razzett meta ċertu bidwi jismu Ċensu Borg magħruf bħala Ta’ Bajdafin, kien joqgħod fuq il-gżira. Kellu ħafna għelieqi mdawrin mat-torri iżda kif tfaċċat it-Tieni Gwerra Dinjija ġie espost għall-attakki tal-għadu u kellu jabbanduna kemm il-binja kif ukoll ir-raba’ li kellu. Mit-torri baqa’ biss fdalijiet mitluqa.

L-aktar personalità famuża ta’ żmienna li żar il-gżejjer huwa l-Papa Ġwanni Pawlu II meta żar lil pajjiżna għall-ewwel darba fl-1990. Dakinhar, hu u ġej minn Għawdex lejn il-Port il-Kbir kien twaqqaf ħdejn il-gżejjer u assista għat-tniżżil ta’ statwa ta’ Kristu tal-Baħħara f’qiegħ il-baħar. Xi 10 snin wara, din l-istatwa tneħħiet u minflok tpoġġiet f’qiegħ il-baħar tal-Qawra minħabba li bdiet issirilha xi ħsara.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN