Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Gżira ta’ Manoel

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

L-art f’nofs il-port ta’ Marsamxett, maqtugħa bħala gżira għaliha, dejjem kienet ideali għall-iżolament u allura fi żmien il-pesta tal-1592, kien propju fuq din l-art li twaqqaf sptar tal-kwarantina. Kienet ideali għax maqtugħa għaliha u fl-istess ħin qrib il-Belt Valletta. L-isptar oriġinali tal-Lazzarett kien tal-injam u wara xi snin li għaddiet il-marda qerrieda, inbena ieħor tal-ġebel minfloku. B’hekk din il-gżira għamlet
żmien twil tissejjaħ il-gżira tal-Lazzarett.

Maż-żmien l-isptar ma baqax waħdu fuq il-gżira. Fis-seklu 18, matul il-ħakma tal-Gran Mastru Portugiż Manoel de Vilhena, kien deċiż li tinbena forti fit-tarf tax-xlokk tal-gżira tħares għal fuq il-belt. Il-forti ssemmiet għall-Gran Mastru, Forti Manoel, u l-gżira wkoll bdiet tissejjaħ għalih. Jingħad li l-ewwel pjanti tal-forti saru mill-Kavallier u perit militari René Jacob de Tigné imma jidher li dawn kienu rranġati minn Charles François de Mondion, kavallier u perit ukoll. Dan tal-aħħar huwa midfun fi kripta fil-forti stess, u hemm min jgħid li l-ispirtu tiegħu għadu jħuf fl-inħawi, għalkemm issib min jgħid li dak huwa Vilhena nnifsu.

Meta ġew l-Ingliżi l-forti saret fortizza navali, il-bażi tal-għaxar flotta ta’ submarines Ingliżi. Kienet tkabbret u fl-aqwa tagħha ġieli kellha fiha nies tas-servizz mal-500 persuna. Fil-forti anki sala taċ-ċinema kien hemm għad-divertiment tan-nies tas-servizz.

Il-Forti Manoel tat sehem kbir fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija meta kienet titqies mill-militar Ingliż qisha kienet vapur tan-navy u kienet tissejjaħ HMS Phoenicia. Kienet tħares lill-belt Valletta min-naħa tal-Majjistral waqt li Sant Anħlu kien iħares ix-xlokk.

Waqt l-attakki mill-għadu f’Marzu tal-1942, kienet ġarrbet ħafna ħsara l-kappella barokka li hemm f’nofs il-forti, iddedikata lil Sant Antnin ta’ Padova. In-nies li marru jneħħu t-tiġrif jgħidu li l-ispirtu tal-kavallier li hemm fil-forti kien preżenti u segwa x-xogħol tagħhom kollu.

Fuq il-gżira Manoel, fl-1966 kienet intlagħbet partita internazzjonali tat-tim nazzjonali Malti kontra l-Libja meta kien hemm kiwistjoni bejn l-MFA u l-proprjetarji tal-Istadium tal-Gżira. Fis-snin sebgħin tas-seklu għoxrin, grawnd ieħor fuq Manoel Island kien issemma għall-plejer leġġendarju Tony Nicholl u parti oħra tal-gżira kienet ġiet żviluppata f’tarzna għall-jottijiet.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN