Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Ħajjata fid-Dar

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Kien hemm żmien meta l-ħwejjeġ ftit setgħu jixtruhom lesti u allura ħagna kienu jħitu fid-dar. Ħafna nisa kont issibhom iħitu u jfasslu kollox huma għall-familja kollha. Kienu jibdew billi jmorru jaqtgħu id-drapp minn xi ħanut inkella minn xi suq. Tal-ħanut ikollu jarda tal-injam twila, jkejjel id-drapp skont id-daqs li titolbu, u jaqta’ bi mqass daqsiex.

In-nisa kienu jixtru xi magażin bħall-Burda jew Neue mode. Dawn kien ikollhom ritratti tal-aħħar moda u l-mod kif tħithom. Kienu jistennew il-ħarġa l-ġdida, jagħżlu libsa jew qmis jew qalziet, u wara li jkunu qatgħu id-drapp, ifasslu. Fil-magażin kien ikun hemm karta kbira mitwija li fuqha jkun hemm ħafna sinjali ġo xulxin b’linji b’forom differenti biex jingħaraf pattern minn ieħor. Kienu jneħħu kollox minn fuq il-mejda, inkella jintefgħu fl-art biex ikollhom fejn jiftħu t-tifsila kollha. Ipoġġu t-tracing paper trasparenti fuq il-karta tal-magażin biex ipinġu l-pattern li jkunu għażlu. Kienu joqgħodu attenti ħafna għaliex tant kien ikun hemm sinjali differenti fuq il-karta li faċli bi żball taqbad linja flok oħra, tispiċċa b’parti minn tifsila u parti minn oħra u jkollok pattern b’forma stramba.

Imbagħad kienu jaqtgħu it-tracing paper, inkella karta strazza, fil-forma li jkunu pinġew, ipoġġu l-karta fuq id-drapp b’tali mod li jippruvaw jaħlu l-inqas ammont ta’ materjal possibbli, iqabbdu l-karta mad-drapp bil-labar tar-ras u jaqtgħu id-drapp fil-forma tal-pattern b’attenzjoni għax l-inqas żball ifissser li tkun ħlejt xi qatgħa drapp.

Wara jkun imiss li jibdew jeħlu partijiet differenti tad-drapp biex tifforma l-biċċa ħwejjeġ magħżula. Kienu jħitu temporanjament bil-ħajt tat-tixlil. Dan kien ikun ħajt abjad u artab, li jinqata’ malajr, għall-provi biss. Kien jinxtara differenti minn ħajt ieħor. Filwaqt li l-ħajt għall-magna tal-ħjata kien jinbiegħ bil-minċotti, tat-tixlil kien jinbiegħ għat-tul, kull ħajta tkun twila xi jarda u kien jiġi marbut, xi 100 ħajta miksija b’karta blu.

Wara jippruvaw u kif issib id-daqs li trid, tħit bil-magna tal-ħjata u tista’ żżanżan.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN