Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Ħares

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Żmien ilu kien l-għaxqa ta’ familji sħaħa li filgħaxija jinġabru fuq xi għatba, għall-frisk taż-żiffa Mediterranja, jisimgħu min jirrakkonta. Kien il-mezz kif stejjer antiki li qatt ma sabu min jiktibhom, kienu jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra u ma jintilfux.

Kien hawn min jirrakkonta anki permezz tal-għana. L-għanja tal-fatt kienet mezz kif bit-taqbila u l-kant mal-kitarri kienu jirrakkuntaw xi ġrajja interessanti biex iwassluha fi rħula differenti. Kienet forma Maltija tal-cantastoria fl-Italja u Sqallija.

Ħafna drabi meta ġrajja tkun irrakkuntata, min jgħidha jagħtiha l-laqta tiegħu, l-istil ta’ kif jirrakkonta, kif ukoll juża l-mod tiegħu kif l-istorja ssir aktar interessanti, għandha għal xiex tkun irrakkuntata, u jekk jista’ jkun iħalli lill-udjenza tiegħu b’ħalqha miftuħ. Għax jgħidu l-kliem bħaċ-ċirasa, u min jaf kemm ġrajjiet twalu u żżejnu sakemm waslu għandna.

Wieħed mill-iktar suġġetti popolari li kienu jirrakkuntaw filgħaxija, wara li jkun dalam biex aktar jimpressjona, kien il-ħares. Maż-żmien tibda tgħid li allura l-ħares kien jidher fl-imgħoddi u llum ma tisma’ xejn minn dan kollu? Tant kien hawn stejjer tal-ħares li jidher li kien popolari sew! Min jgħid li ra Tork. Min jgħid li sawwtu jew qelbu minn fuq is-sodda. Issib min jgħid li lil xi oħrajn il-ħares tahom ħafna flus bil-patt li ma jitkellmux għax b’rashom idur!

Mingħajr ma nidħol fil-kontroversja l-ħares jeżistix jew le, għax anki jien għandi opinjoni, naħseb li l-ħares u l-kult tiegħu kienu paraventu għal min ried jaħbi xi ħaġa. Smajt bi stejjer ta’ djar f’xi tarf tar-raħal, fejn kienu jsiru xi skappaturi, u allura jxerrduha li hemm il-ħares biex ħadd ma jersaq ’l hemm u jiksrilhom… id-devozzjoni! Inkella min ikun għamel xi kemxa flus ġmielha b’mod illegali, u biex ħadd ma jaħseb ħażin ixerridha li deherlu l-ħares… u n-nies waħedha kienet tikkonkludi li l-flus ġabhom il-ħares, qisu xi bankier!

Insomma, fi żmien li ma kien hawn serje televiżivi u teleromanzi, il-ħares kien wieħed mill-isbaħ suġġetti li dejjem ta lin-nies fuqhiex jitkellmu.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN