Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Ħarruba

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Insibuha f’ħafna nħawi fejn għad fadal il-kampanja. Anzi kull fejn hemm naqra raba’, żgur se tara xi waħda, għax probabbli hija l-aktar siġra komuni fl-ambjent naturali rurali Malti.

Il-ħarruba hija siġra tal-Mediterran, l-aktar lejn il-lvant ta’ baħarna. Hija waħda mill-eqdem siġar u tikber bla bżonn ta’ xi kura speċjali. Infatti tgħix bi ftit ilma tax-xita u b’ħafna xemx li minna m’aħniex neqsin.

Ma tikbirx fil-għoli wisq, tant li ħafna drabi t-truf tal-friegħi tagħha kważi jmissu mal-art. Il-friegħi b’saħħithom u fil-baxx minn dejjem għamluha faċli għal ħafna tfal biex jixxabbtu magħhom fil-logħob li t-tfal ta’ llum ftit għadhom igawdu.

Mill-bidu tax-xitwa tibda titrabba l-frotta; ikunu f’għenieqed ta’ ħafna frott bil-forma mgħawġa tagħhom qishom ful. Dan il-miżwed jikber, minn aħdar jiswied, isir u jkollu ħlewwa kbira. Fi żmienhom anki tgħaddi mill-mogħdijiet bejn l-għalieqi maġenb xi ħarruba u ssib ħafna minnhom fl-art, wara li jkunu waqgħu mis-siġra. F’ċerti pajjiżi jinbiegħu bi prezz għoli imma f’Malta nagħtuhom liż-żwiemel u l-bhejjem
biex jikluhom, inkella nużawhom għalina minflok għasel. Jingħad li l-miżwed tal-ħarrub fih ħafna proteini, vitamini u minerali. Naturalment, la t-togħma tal-miżwed hija waħda ħelwa ħafna, insibu fih ukoll iz-zokkor naturali.

F’Malta, bħal fi Sqallija, nagħmlu l-karamelli mill-ħarrub għal żmien ir-Randan meta l-ħelu mhux suppost nikluh. Anzi kienu jgħidulna biex lanqas dawn il-karamnelli ma nieklu, imma nħalluhom idubu f’ħalqna minħabba s-sawm. Konna nixtruhom f’borża żgħira u kull karamella tkun imgeżwra f’biċċa karta strazza.

U bħalma l-karamelli nagħmluhom minflok il-ħelu, ix-xiropp tal-ħarrub nużawh flok l-għasel. Insejħulu ġulepp u ilu jintuża ħafna bħala mediċina tradizzjonali. Fil-fatt ma’ naqra misħun jaf ifejjaqlek xi ħanqa meta jaqbdek xi riħ. Hawn min jużah minflok zokkor f’xi deżerta inkella f’xi xarba sħuna.

Il-kelma ħarruba tintuża wkoll b’mod differenti. Minħabba li hija siġra antika ħafna u tgħix fit-tul, meta rridu ninbxu lil xi ħadd bl-età, ngħidulu li hu “xiħ daqs ħarruba”.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN