WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia
Tagħti l-kulur isfar lill-kampanja minn tard ix-xitwa sar-rebbiegħa. Mhux hi biss, il-mustarda selvaġġa, l-lellux u t-tfief ukoll, imma hi l-aktar. Fuq l-aħdar tal-uċuħ tar-raba’ toħloq kuntrasti mill-aktar vivaċi.
U minn bejn il-ġebel tal-ħitan tas-sejjieħ tħobb tittawwal donnha biex isemmagħlna l-għanja mlewna tan-natura.
Hawn min jgħidilha qarsu, għax issib min jiekol iz-zokk tagħha li jgħidu li għandu togħma qarsa. Imma ħafna jsibuha bħala l-ħaxixa Ingliża. Imma x’fiha Ingliż dil-pjanta? Bl-Ingliż jisimha Cape Sorrel, għax għandha l-oriġini mill-Cape of Good Hope fl-Afrika t’Isfel, mhux fl-Ingilterra.
Jingħad li xi seklu u nofs ilu, mara Ingliża ġabet din il-pjanta f’Malta u tatha lill-ġnien botaniku tal-Argotti fil-Furjana. Ġabitha mill-Afrika t’Isfel meta hemmhekk kien hemm l-Ingliżi, wara battibekk mal-Olanda dwar l-okkupazzjoni. Qabel ġabitha din l-Ingliża, qatt ma kien hawn minnha f’Malta.
U jidher li mill-Furjana dil-pjanta malajr ħarġet, tkattret u xtered ma’ Malta u Għawdex kollha. Il-ħamrija lokali, x-xemx, l-umdità u anki l-klima huma kollha simili għall-art oriġinali tagħha u allura malajr sabet dar ġdida u komda f’artna. U mhux f’artna biss. Il-qarsu tant jixtered malajr li kieku jkollok tipprova tikkontrollah, issibha diffiċli immens. Imma jien naraha ssebbaħ. U kif!
Jekk f’pajjiżna tara nies fil-kampanja jogħmodu z-zokk qares tagħha, kun af li mhux hawn biss jikluha. Fl-Afrika t’Isfel, pajjiżha, lil dil-pjanta jikluha wkoll. Infatti jużawha jew mal-insalati inkella mal-ħut, l-istess kif aħna nużaw il-lumi magħsur. Però jinsistu li ma jużawhiex ħlief f’ammonti żgħar, għax iżżejjed minnha jista’ jkun velenuż ukoll. Infatti, tant hi aċiduża, li fil-kampanja n-nagħaġ u l-mogħoż ma jmissuhiex, anzi jaħirbuha.
Il-ħaxixa Ingliża hija sors ta’ Vitamina Ċ. L-istoriċi jgħidu li fl-imgħoddi kienu jieħdu minnha fuq il-bastimenti biex jekk xi baħri jaqbdu l-iskorbut, kundizzjoni maħluqa minn nuqqas ta’ Vitamina Ċ, jagħtuh minnha.
Jien qatt ma doqtha… fejn naf jekk ikunx għolla siequ xi kelb magħha qabel?