Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Ħelsien

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kelli 16-il sena. Konna ilna nisimgħu li fl-1979 kienet se tasal data importanti. Konna nisimgħu bil-Pjan ta’ Seba’ Snin mis-sena 1972 sal-aħħar ta’ Marzu 1979 meta l-Ingliżi, li kellhom bażi f’Malta ta’ kważi żewġ sekli, kienu se jitilqu darba għal dejjem.

Għal dawk li għexu dawk iż-żminijiet din ma kinitx ġrajja ta’ ġurnata. Konna ilna naraw lill-Ingliżi ftit ftit iħallu l-ħafna artijiet sbieħ madwar pajjiżna li fihom il-Maltin ma stajniex nidħlu. Sant Andru, Sant Anġlu, Tigne, l-forti ta’ Manoel Island, Ħal Far, Bighi, ix-Xagħra tal-Furjana, l-Marsa tal-Ingliżi u postijiet oħrajn kienu magħluqin għall-Maltin.

Niftakar meta dħalna l-ewwel darba nilgħabu fuq il-ħaxix tal-Marsa, konna qisna sifirna u morna nilgħabu fuq xi pitch ta’ xi stadium famuż. Qabel konna nilgħabu dejjem fuq ir-ramel u konna nixxenqu minn wara l-barbed wire li xi darba nidħlu f’dik l-art sabiħa kollha ħaxix u nilgħabu aħna wkoll.

Kienu bdew jonqsu t-titjiriet tal-Vulcans u l-Canberras tal-Air Force Ingliża minn fuqna. Naf fost sħabi min kien spiss jibgħat xi ittra Ħal Luqa, fil-HQ tal-qawwa tal-ajru tal-Ingliżi f’Malta, biex jibgħatulhom xi ritratti tal-ajruplani tal-gwerra. Jien għamiltha darba għax tħajjart, imma kien hemm min jibgħat b’mod regolari u l-fatt li l-Ingliżi kienu se jitilqu ma tantx nizżlitilhom tajjeb.

Niftakar posters u speċi ta’ billboards simboliċi bil-ħamiem abjad itir fuq is-swar taħt is-sema bnazzi, l-għolja ta’ quddiem il-knisja tal-Birgu tinbena u l-innu ta’ Karmenu Vassallo u l-Grieg Mikis Theodorakis jindaqq fuq ir-radju regolarment. Niftakar Bieb il-Belt ta’ dak iż-żmien imżejjen kif qatt ma kien qabel, bi drappijiet bojod u ħomor f’forma ta’ trofew kbir fuq disinn ta’ Tony de Giovanni, tiżjin fi Triq Sant Anna l-Furjana u naturalment, fix-xtut tal-Kottonera bil-kuluri nazzjonali u ħafna bozoz.

President ta’ Malta kien il-poeta Anton Buttigieg waqt li l-aħħar Ammirall Ingliż kien Nigel Cecil li kien mużiċist. Buttigieg kiteb L-Għanja tat-Tluq u Cecil kitbilha l-mużika biex fit-Teatru Manoel kien sar kunċert tal-aħħar u ndaqqet L-Għanja tat-Tluq.

Niftakar imbagħad l-aħħar lejl ta’ Marzu fuq it-televixin, b’ħafna kantanti Maltin u gruppi folkloristiċi barranin madwar il-Kottonera jallegraw in-nies preżenti f’temp imsaħħab u kemxejn riħ ukoll, iċ-ċerimonja tat-torċa fuq l-għolja u t-tqegħid tal-fjuri. L-għada wkoll kien ir-riħ, meta kulħadd segwa l-HMS London ħiereġ fuq il-mewġ tal-Port il-Kbir.. u l-President Buttigieg ixejjer lill-aħħar stakkament navali.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN