Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Ħerża

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

L-ilma minn dejjem kien riżorsa importanti f’pajjiż niexef bħal tagħna. Fix-xhur twal meta ma tagħmilx xita, kemm in-nies, il-bhejjem u r-raba’ ma jistgħux jibqgħu bla ilma biex jgħixu. Kemm fid-djar kif ukoll fl-irziezet kien isir dak kollu possibbli biex l-ilma mix-xita jinħabar kollu u ma jintilef xejn.

Il-binjiet tagħna, kemm fl-ibliet, irħula kif ukoll fil-kampanja għandhom is-saqaf ċatt. U allura kien isir xi miżieb jew aktar fuq kull bejt biex l-ilma li jibgħat il-Bambin jimxi fid-direzzjoni t-tajba u fl-aħħar jinħażen fil-ġiebja jew bir taħt l-art.

Imma fl-imgħoddi, meta jiġu bżonn itellgħu l-ilma mill-bir, ħadd ma kellu l-kumdità ta’ llum li jittella’ waħdu b’xi pompa. Kienu jtellgħu l-ilma jew b’xi raddiena li bis-saħħa tar-riħ ittella’ l-ilma bil-bramel għas-saqwi, inkella kien jittella’ l-ilma bl-idejn. Min kellu ftit għelieqi ma kienx ikollu raddiena u għalhekk, bħall-bjar fid-djar, kien itella’ l-ilma bil-barmil permezz ta’ ħabel twil miġbud bl-idejn.

Għal dan il-għan, madwar il-bokka tiegħu kienet issir ħorża jew ħerża. Din kienet issir biex il-bir ma jservix ta’ periklu u jaqa’ xi ħadd fl-ilma.

Il-ħerza ġieli kienet tinbena minn ċnagen tal-franka, inkella titħaffer minn ġebla waħda sħiħa. Meta kienu jnaqqxuha f’ġebla sħiħa, din ma kinitx tkun xi ġebla komuni, u kienet tinħadem b’sengħa kbira. Normalment il-bażi tagħha tkun l-iktar parti wiesa’ u titħaffer f’għamla kwadra. In-naħa ta’ fuq tkun iċken u titħaffer għat-tond u tiġi qisha piramida bla ponta jew qanpiena tal-ġebel. Infatti meta ttektek b’martell fuq ħerża, kienet iddoqq. Aktarx li l-ħereż kienu jsiru tal-qies biex jitpoġġew fuq bokok ta’ bjar kbar. Ħafna mill-ħereż kienu jsiru Għawdex minħabba li l-ġebla ta’ hemmhekk hija aktar ratba biex taħdimha.

Ix-xoffa tal-ħerża kienet tkun magħmula apposta biex fuqha tista’ sserraħ il-barmil jew satal. U uħud mill-bjar kienu jibnu fuqhom forma ta’ ħnejja biex minn fuq il-bokka eżatt kienet tiddendel tarjola għall-ħabel biex tgħin lil min se jtella’ l-ilma.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN