Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Ħnejja

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Meravilja tan-natura, waħda mill-isbaħ veduti fil-gżejjer tagħna u tiġbed mijiet ta’ eluf ta’ turisti fis-sena. Il-Blue Grotto fl-inħawi ta’ Wied iż-Żurrieq minn dejjem ġibdet l-għajn. Għar enormi għoli aktar minn 30 metru fuq baħar ċar bilfors jagħmel hekk. Jingħad li fis-snin ħamsin, membru tas-servizz Ingliż qabblu mal-Grotta Azzurra ta’ Capri… u bdew isejħulu bl-Ingliż: Blue Grotto. Imma n-nies tal-irħula qrib jirreferu għall-post bħala Il-Ħnejja. U hekk hi; ħnejja maestuża fuq baħar nadif, xena taqtagħlek nifsek bi lwien jinbidlu skont il-ħin tal-ġurnata.

Il-Ħnejja kbira mhix l-uniku għar fil-baħar tal-inħawi. Kull min xi darba jew aktar mar dawra b’xi frejgatina minn Wied iż-Żurrieq jaf li kemm madwar sitt għerien. Qiegħ il-baħar, minkejja li hu fond, jidher ċar kristall. L-ilwien tal-blat flimkien mal-organiżmi u flora joħloq xenarju mill-isbaħ. B’mod speċjali filgħodu, meta x-xemx tkun faċċata, l-ilwien jibbrillaw u l-baħar ikun blu aktar minn ħinijiet oħra. Il-ġmiel tal-post anki producers ta’ films għoġob.

Min jaf x’ra matul iż-żminijiet il-blat u l-irdum li hemm madwar l-għerien. Daqqa xemx taqli u daqqa maltemp irid ikisser kulma hemm. Min jaf kemm ir-raxx mielaħ tal-baħar fil-pori tal-blat intefaħ mix-xemx qalila. Mhux ta’ b’xejn il-blat dejjem jitfarfar u kultant anki bċejjeċ kbar tal-blat jaqgħu għal ġol-baħar ta’ taħthom.

U min jaf kemm tajr sab il-kenn u forsi anki bejjet fejn ifaqqas lill-frieħ fl-imkejjen kennija bejn il-blat fil-għoli bogħod mis-saram. U min jaf kemm-il ħuta kbira għaddiet mill-inħawi kaħlana fit-tfittxija biex timla żaqqha. U min jaf kemm ħut iżgħar fittex il-kenn bejn il-blat samm moħbi mill-periklu. Kollox għandu storja… u kollox għandu ġrajjietu x’jirrakkonta.

Fid-daħla qrib ta’ Wied iż-Żurrieq in-nies qatt ma jonqsu, Maltin u barranin. Min imur biex igawdi x-xenarju tal-post, min biex jgħum, min biex jogħdos, min biex jiekol f’xi ristorant, min biex jara t-Torri ta’ Xutu li għamel żmien għassa tal-Pulizija u anki min jaqbad frejgatina lejn l-għerien.

U biex tħossok komdu kif tasal fuq il-post, dejjem tilqgħek it-tbissima u xi ċajta mingħand Ċikku l-Markiż, il-parker magħruf.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN