Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Il-Ħuttaba

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Fl-imgħoddi la kien hemm Paceville u lanqas teknoloġija tal-komunikazzjoni. U allura biex ġuvni jiltaqa’ ma’ tfajla la kien jeħtieġlu jmur idur minn klabb għall-ieħor u lanqas joqgħod jikkomunika forsi jara ma’ min ilaqqgħu id-destin.

Żmien twil ilu ż-żgħażagħ bilkemm kienu joħorġu u ż-żwiġijiet kienu jkunu miftiehma. Il-ġenituri jiftiehmu mal-ġenituri l-oħrajn u jsir it-tieġ. Imma l-mod kif kienu jiltaqgħu kien ħafna differenti mil-lum.

Il-ħuttab jew ħuttaba kienu jkunu nies li jlaqqgħu il-partijiet biex isir żwieġ. Ġenituri li jkollhom ġuvni jew xebba tal-età taż-żwieġ kienu jqabbdu ħuttab biex isibilhom lil min jiżżewġu. Dawn kienu jlaqqgħu żgħażagħ mir-raħal stess, u jekk fir-raħal ix-xorti ma titbissimx liż-żgħażugħ jew żagħżugħa, ifittxu anki barra r-raħal. Jekk ikun fir-raħal, il-ħuttab ikellem liż-żewġ ġenituri u dawn jaraw li qed iressqilhom tifel jew tifla sew. La mill-istess raħal ħafna drabi l-familji kienu jkunu jafu lil xulxin u x’familji huma. Imbagħad kienu jagħmlu l-ftehim taż-żwieġ biex dan iseħħ. Immaġina t-tfal ta’ llum tiftiehem f’isimhom lil min jiżżewġu, anki qabel ikunu ltaqgħu mal-parti l-oħra, aħseb u ara kemm ħabbew lil xulxin!

Jekk fir-raħal ma jinstab ħadd, il-ħuttab kien ifittex barra r-raħal… u meta tinstab koppja, l-ħuttab kien imur jistaqsi lill-kappillan tar-raħal l-ieħor dwar hix familja serja u anki dwar humiex tal-flus jew le. U l-verdett tal-kappillan kien vanġelu.

Il-ħuttaba kienu jitħallsu sew speċjalment jekk iż-żwieġ iseħħ. U kellek ħuttaba magħrufin li t-tlaqqigħ tagħhom kien jirnexxi aktar minn ta’ oħrajn… u allura l-ħlas tagħhom kien ikun ftit ogħla.

Imma l-ħuttaba ma kinux jeżistu fil-koppji biss. Kien hawn nies li kienu jlaqqgħu bejjiegħa u xerrejja ta’ annimali tal-irziezet. U dawn kienu jissejħu ħuttaba wkoll. Ħafna mir-raħħala bilkemm kienu joħorġu mir-raħal u allura ma kinux ikunu jafu x’hawn għall-bejgħ biex  ikabbru u jtejbu l-merħla. U allura dawn il-ħuttaba kienu jduru u jitkixxfu biex isiru jafu min jixtieq ikbigħ li bhima biex isibulu xerrej u jagħtih xi ħaġa tal-ħotba.

Ara veru jinbidlu ż-żminijiet…

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN