Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Karnival sal-Kavallieri

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Hawn min jaħseb li l-Karnival f’Malta ġabuh il-Kavallieri. Iżda mhux hekk. Hemm dokument fil-Mużew tal-Katidral tal-Imdina li juri li F’Santu Spirtu r-Rabat, qabel tfaċċat l-Ordni fuq xtutna, kienu jagħmlu ikla tal-Karnival għall-pazjenti. Barra minn hekk jidher li anki b’mod spontanju kien hawn min b’xi mod jiċċelebrah.

Ċelebrazzjonijiet kienu jsiru ħafna aktar lura fiż-żmien. Jingħad li f’dan iż-żmien tas-sena fl-Imperu Ruman kienu jagħmlu festeġġjamenti kbar għall-okkażjoni tal-qawmien tan-natura wara ż-żmien iebes tax-xitwa. Xejn ma jindika li dan, fi żmien ir-Rumani f’Malta, ma kienx isir ukoll. Ta’ min jgħid li skont xbihat ta’ żmien Ruma l-antika, dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kienu jsiru għall-adulti biss, għax kienu festi ta’ xalar bla ebda ħjiel ta’ morali.

Imma kif bdiet il-ħakma tal-Ordni f’Malta, il-Kavallieri ta’ tmien lingwi differenti ġabu magħhom kulturi u tradizzjonijiet differenti minn madwar il-kontinent Ewropew. Il-Karnival ma baqax biss spontanju imma beda jkun organiżżat fi żmien il-GranMastru Del Ponte fil-Birgu li kienet l-ewwel belt li fiha kienu l-Kavallieri.

Fi żmien De Valette deher ċar li l-għadu Ottoman kien qiegħed iħejji biex jattakka lill-gżejjer tagħna. Allura l-GranMastru kien rażżan il-Karnival. Kien ipprojbixxa x-xalar żejjed u ġiri fit-toroq għax ma riedx li jitfaċċa l-għadu f’xi mument meta ħafna Kavallieri jkunu għaddejjin jiċċelebraw u forsi xurbana wkoll. Naturalment, il-Kavallieri żgħażagħ gergru mhux ftit. L-assedju tal-1565 ħalla marka fuq il-Karnival, għaliex minnu ħarġet il-Parata, iż-żifna tradizzjonali li biha dejjem jibda l-Karnival.

Il-Karnival imbagħad beda jsir fil-belt Valletta u l-aktar li qajjem furur kien Lascaris. Minħabba li ħafna Kavallieri kienu jabbużaw mill-vot tal-kastità meta jkunu bil-maskra u ma jingħarfux, dan il-GranMastru waqqaf il-ballijiet mill-bereġ u lin-nisa milli jilbsu l-maskri. Kemm Kavallieri żgħażagħ kif ukoll xi Maltin kienu pprotestaw u kien attakkat il-Kulleġġ tal-Ġiżwiti.

Anki l-Inkwiżitur ried iwaqqaf ix-xalar żejjed għax għadd ta’ Kavallieri kienu jistennew il-Karnival biex jagħmlu dak li suppost qatt ma jagħmlu.

Kulħadd iħobb jixxala hux!

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN