Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Katidral tal-Imdina

Il-koppla tiegħu kważi tidher minn kullimkien. Anzi kull meta tkun tiela’ mit-telgħa tas-Saqqajja lejn ir-Rabat u l-Imdina, għajnejk bilfors imorru lejn il-lemin fejn tidher il-koppla ta’ dan il-katidral donnha tħares lil gżiritna l-ħin kollu. Meta nitkellmu dwar l-Imdina, l-ewwel ma tiġi quddiem għajnejk hija dik ix-xena tal-koppla fuq is-swar.

Minkejja li mhux fil-belt kapitali, dak tal-Imdina huwa l-katidral tal-Knisja Kattolika Rumana f’Malta. Il-Kon-Katidral tal-Belt Valletta ġie wara żmien u qiegħed hemm biss biex jassisti lil dak tal-Imdina.

Huwa ddedikat lil San Pawl u jingħad li twaqqaf fuq il-post eżatt fejn San Publju laqa’ lil San Pawl wara n-nawfraġju. Minn dak il-post Publju sar Nisrani u minn dakinhar Malta bdiet temmen fit-tagħlim ta’ Pawlu. Kien għalkhekk xieraq li l-katidral jinbena hemmhekk.

Jingħad li l-ewwel tempju kien iddedikat lil Santa Marija, iżda dan serva sal-miġja tal-Għarab f’Malta. Nafu li bidlu ħafna mill-Imdina u t-tempju ma baqax jintuża. Meta ġew in-Normanni u allura r-reliġjon ta’ Malta reġgħet saret Kattolika Rumana, fis-seklu tnax inbena mill-ġdid u kien iddedikat lil San Pawl. Dak il-Katidral ġratlu ħsara kbira fit-terremot ta’ Sqallija tal-1693. Dakinhar żewġ terzi tal-popolazzjoni tal-belt ta’ Katanja nqatlet. U minn dak il-bogħod kollu, tant kien qawwi t-terremot li qered kważi għal kollox lit-tempju tal-Imdina. Li kien fadal minnu nħatt u minflok inbena kapolavur, disinn ta’ Lorenzo Gafà bejn l-1696 u l-1705.

Bejn is-seklu tmintax u dsatax, inħattu xi djar biex il-katidral saritlu pjazza u setgħu jinbnew il-Palazz tal-Isqof kif ukoll is-Seminarju, li llum huwa l-Mużew tal-katidral. Jingħad li partijiet mill-irħam li jżejnu dan it-tempju maestuż kienu fdalijiet minn Kartaġni.
Min jaf kemm ra isqfijiet u awtoritajiet dan il-Katidral. U isqfijiet ma rax biss f’ħajjithom, iżda anki f’mewthom, għax uħud mill-isqfijiet ta’ Malta huma midfuna fih. Infatti l-art hija ġmiel ta’ mużajk li jżejnu l-oqbra ta’ relġjużi jew nobbli tal-Imdina.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN