Radju Kafé
Kurżitajiet

Il-Kavallier ta’ San Ġakbu

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Il-Belt Valletta nbniet bħala belt fortizza. L-għan kien li tkun kapaċi tilqa’ lit-Torok jekk jerġgħu jitħajru jiġu jassedjawna kif għamlu fl-1565. U għalhekk madwar il-belt inbnew swar u binjiet ta’ difiża apposta.

L-eqreb difiża viċin il-Berġa ta’ Kastilja hija l-Kavallier ta’ San Ġakbu, dik il-binja li fis-sena 2000 infetħet bħala ċ-Ċentru għall-Kreattività. Dan il-Kavallier  huwa s-sur ta’ fuq in-naħa tal-lemin int u dieħel il-Belt, eżatt fuq in-naħa opposta tal-Kavallier ta’ San Ġwann. Għandu bieb iħares fuq fejn illum hemm il-Parlament u bieb ieħor quddiem il-Berġa ta’ Kastilja.

Il-bini nnifsu huwa mill-isbaħ. Minnufih wara l-Assedju l-Kbir, il-Kavallieri rebbieħa tal-Ordni ta’ San Ġwann bdew serje ta’ studji u proposti għal belt ġdida li kellha tinbena fuq l-ilsien ta’ art imdawwar b’żewġ portijiet; l-Għolja Sciberras. Il-Kavallier ta’ San Ġakbu iħares fuq in-naħa tal-Port il-Kbir u fuq il-Furjana u l-bqija ta’ Malta mid-daħla tal-Belt.

L-iskop primarju tal-kavallieri kien li dan il-bini jservi funzjoni strateġika militari, biex jilqgħu għall-attakki mill-art jew mill-inħawi tal-port. Fi żmien l-Ingliżi, l-Kavallier ta’ San Ġakbu serva bħala istituzzjoni tal-armata Ingliża magħrufa bħala in-NAAFI; in-Navy, Army and Air Force Institutes. Din kienet istituzzjoni li kienet tieħu ħsieb l-ikel, xorb u divertiment tas-servizzi Ingliżi u meta kienet fetħet fil-Belt fl-1921, urtat lil tal-ħwienet mhux ħażin, għax ħaditilhom minn xogħlhom. Wara żmien dan il-bini sar l-istamperija tal-Gvern.

Il-funzjoni ta’ dan il-bini nbidlet b’mod drastiku. Oriġinarjament inbena biex iżomm lill-għadu milli jidħol fil-belt. Kien is-simbolu ta’ difiża tal-Belt tal-Kavallieri. Kien fuq quddiem nett jaffronta sidru biex jiddefendi belt barokka mimlija knejjes, palazzi, pitturi u teżori artistiċi. Iżda llum ma jżomm lil ħadd, anzi jistieden lil kulħadd jidħol igawdi l-arti u l-kreattività fi ħdanu stess.

Waqt ir-restawr li sar qabel qaleb is-seklu, ta’ min isemmi kif bir massiv imħaffer apposta biex iżomm provvista ta’ ilma fil-belt inbidel f’teatru tond, żgħir u intimu… it-teatru ż-żgħir tal-Kavallier ta’ San Ġakbu fil-Belt.

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN