Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Il-Kelb tal-Fenek

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kelb eleganti ħafna, irqiq u żnell u allura jurik li min-natura tiegħu magħmul biex jiġri u jaħraq il-kaloriji. Huwa kelb ta’ oriġini Maltija, razza minn pajjiżna. Infatti tara ħafna klieb tal-fenek speċjalment fil-kampanja fejn il-bdiewa jafuh bħala kaċċatur prim biex jaqbad il-fniek slavaġ… il-ftit li fadal.

U alluranismu ġej minn din id-drawwa li meta kienu joħorġu biex jaqbdu l-fniek kienu jieħdu magħhom kelb ta’ din ir-razza u ebda fenek ma jaħrabilhom.

Kien żmien meta bini kien hawn ħafna inqas mil-lum u fniek slavaġ kien hawn kwantità kbira. Il-kaċċaturi tal-fniek kienu joħorġu jew bil-klieb tal-fenek u bil-ballotra, speċjalment mal-lejl. Il-klieb jindunaw fil-fenek u jiġru warajh. Naturalment il-fenek jipprova jistaħba, l-aktar f’xi ħofra fl-art li l-fniek imdorrijin jgħixu u jistkennu fihom. Imbagħad kien ikun imiss xogħol il-ballotra li tintefa’ fil-ħofra, tidħol u toħroġ
lill-povru fenek. Ma jkunx ħelisha min-nies sab lill-kelb u kif ħelisha minnu sab lill-ballotra.

Il-kaċċaturi mhux dejjem kienu jużaw lill-fenek għall-ikel mal-ewwel. Ġieli kienu jitfgħu il-fniek f’xi gallinar biex irabbu u jkattru aktar fniek għall-ikel. Imma minkejja ismu, l-kelb tal-fenek mhux tajjeb għal mal-fniek u l-kaċċa biss. Jingħad li jservi wkoll bħala kelb għassies, speċjalment ma’ merħliet ta’ nagħaġ u mogħoż. Iservi wkoll fil-kaċċa għat-tajr biex imur iġib it-tajra milquta lill-kaċċatur li jkun sparalha.

Din ir-razza ma teżisitx f’pajjiżna biss, u mhux kulħadd isejjaħlu b’relazzjoni mal-fniek. Barra minn Malta hemm min isejjaħlu Kelb tal-Farawni. Dan minħabba li kien hemm min iqabbel is-sura tal-Kelb tal-Fenek ma’ xi statwi antiki tal-Eġittu tal-qedem. Ma hemm ebda prova li dawn it-tnejn kienu relatati. Barra minn hekk, studju internazzjonali ta’ dan is-seklu jgħid li l-Kelb tal-Fenek huwa razza li kienet żviluppata minn razez differenti fi żminijiet ħafna aktar qrib tagħna minn żmien l-Eġittu tal-Farawni!

Il-kelb huwa mmuskolat u ħafif biżżejjed għall-kaċċa. Is-suf tiegħu huwa qasir ħafna biex ma jfixkel xejn waqt xi taqbida biex jaqbad lill-vittma tiegħu.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN