Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Kenur

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Il-cooker fejn insjru mhux dejjem kien jeżisti. Qablu kien hemm l-ispiritiera jew kuċiniera bil-pitrolju, imma aktar qabel ħafna kienu jużaw il-kenur. U jingħad li fuqu l-ikel kien jiġi itjeb minħabba li jsajjar bil-mod ħafna u allura jżid fil-benna.

Il-kenur kien magħmul minn ġebla li tiflaħ għan-nar. Kienu jsejħulha ġebla tal-kwiener. Kienu jonqxuha f’forma kwadra li tidjieq fin-naħa t’isfel. Fil-faċċata kienu jħaffru toqba kbira san-nofs tal-ġebla kollha fejn jitfgħu il-ħatab. In-naħa ta’ fuq kienu jonqxuh biex iħallu fejn iddur l-arja sħuna imma jħallu l-erba’ kantunieri sħaħ biex isserraħ il-borma, taġen jew pagna fuqhom bin-nar jixgħel taħthom. Kien hemm min anki jpoġġi gradilja tal-ħadid fuq nett biex xi kazzola żgħira kienet toqgħod fuqu wkoll.

Il-kenur kienu jixgħeluh bil-ħatab, injam jew xewk. Kienu jmorru fir-raba’ jfittxu xi zkuk inkella kien ikollhom xi biċċa għamara għar-rimi u jaħirqu lilha. Imma kien jinbiegħ ix-xewk ukoll għall-istess għan. Speċjalment fil-bliet fejn ma kellhomx fejn ifittxu ħatab, kienu jduru bejjiegħa b’karrettun jew xi xkora fuq daharhom ibiegħu ix-xewk niexef. Xi sinjuri kienu saħansitra jqabbdu l-kenur bil-faħam imsejjaħ tal-kannol, imma dak kien jiswa wisq biex jużah kulħadd.

Kien hemm min iqum jixgħel il-kenur kmieni ħafna biex ikollhom il-misħun għall-kafè u biex jibdew isajru bil-mod. U biex tħalli l-kenur jixgħel għal dak it-tul trid toqgħod trewwaħlu kull tant ħin quddiem it-toqba tal-ħatab inkella jintefa’. Trid tara li jekk il-ħatab jew xewk qed jispiċċa, trid titfagħlu aktar biex is-sħana ma tonqosx. U kultant kienu anki jnaddfuh billi jbattluh mill-irmied li jifdal. Ħafna kienu jqabbdu l-kenur f’xi bitħa jew post fil-miftuħ biex jiffrankaw id-duħħan u n-nugrufun fid-dar. Naturalment minħabba n-nar dirett, il-borom kienu jiġġemmdu spiss.

Minkejja li magħmul mill-ġebel, mhux kulħadd seta’ jkollu kenur u kont issib min isib xi żewġ ġebliet tal-istess daqs, ipoġġihom ħdejn xulxin, jitfa’ l-ħatab jew xewk bejniethom u jsajjar bl-istess metodu.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN