Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Knisja tal-Mosta

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Tidher minn ħafna nħawi għax għandha l-ikbar koppla f’Malta u għamlet żmien kienet it-tielet l-akbar waħda fid-dinja. Tissejjaħ rotunda għaliex il-koppla tifforma s-saqaf kollu tal-knisja. Għandha disinn neo-klassiku tal-Perit Grognet u nbniet f’nofs is-seklu dsatax fuq l-istess lok fejn kien hemm tempju rinaxximentali b’disinn ta’ Tumas Dingli ta’ żewġ sekli qabel. Dan sar minħabba li r-raħal beda jikber u l-
knisja l-antika saret żgħira wisq. Il-knisja l-ġdida nbniet madwar l-antika u meta kienet lesta, inħattet l-oħra.

Il-forma tagħha tixbaħ ħafna lill-Pantheon ta’ Ruma, dik il-koppla ta’ żmien l-Imperu Ruman b’toqba fis-saqaf tagħha biex jidħol id-dawl mal-jum. Meta sar id-disinn kien hemm min gerger li disinn tal-Imperu Ruman ma jixraqx tempju Kattoliku. Imma saret.

Ir-rotunda tal-Mosta ma fihiex toqba bħall-Pantheon, għalkemm fit-Tieni Gwerra Dinjija saritilha toqba minn bomba tal-Ġermaniżi Nażisti li setgħet ġarrfitha għal kollox. Il-famuża bomba waqgħet fid-9 t’April 1942 fil-4.40 ta’ waranofsinhar meta kien hemm ħafna nies fil-knisja jistennew il-quddiesa ta’ filgħaxija.

Dan ġara waqt wieħed mill-eqqel attakki fuq il-mitjar qrib f’Ta’ Qali. Kienu ntefgħu tliet bombi f’salt mill-istess ajruplan u waħda biss laqtet il-knisja. Kieku splodiet kienet tolqot, jew toqtol ħafna nies. Hawn min jargumenta li l-qoxra ta’ bomba għall-wiri fis-sagristija ma tistax tkun dik li waqgħet fuq il-knisja minħabba l-kobor tagħha. Imma insomma, bomba hija dejjem bomba u kienet liema kienet, imnalla ma ħaditx.

Meta nbniet, il-knisja tal-Mosta kienet imdawra bil-bini. Mal-progress taż-żmien dan twaqqa’ biex inħoloq spazju kbir madwarha u nħolqot pjazza u toroq wesgħin biex tkun tista’ titgawda mill-poplu. Tant hi massiva din il-knisja, li meta xi ħadd jibda jgħaġġibha għax se jagħmel xi ħaġa kbira, ngħidulu; “lanqas li se tibni l-knisja tal-Mosta!”

Il-knisja hi ddedikata lil Santa Marija, l-Assunta, u ssirilha festa fil-15 t’Awwissu ta’ kull sena flimkien ma’ sitt irħula u bliet oħrajn fil-gzejjer Maltin. Fis-sena 2018 saret bażilika minuri.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN