Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ġawhra barokka… waħda mill-isbaħ binjiet fil-belt Valletta… fiha ħafna bċejjeċ ta’ arti ta’ kalibru internazzjonali… kienet inbniet bħala l-knisja ewlenija għall-Kavallieri… u spiċċat il-knisja ewlenija tal-belt kapitali.

Meta l-Kavallieri bnew il-belt Valletta, ma setgħux iżommu lill-knisja ta’ San Lawrenz fil-Birgu bħala l-knisja konventwali tagħhom u riedu waħda fil-belt il-ġdida. Għalhekk fi żmien il-Gran Mastru Jean de la Cassiere, tqabbad il-perit Malti Ġlormu Cassar biex jiddisinnja t-tempju bħalma ddisinnja aktar binjiet fl-istess belt. It-tempju kellu jkun iddedikat lil San Ġwann il-Battista, li għalih imsemmija l-Ordni.

Jingħad li Cassar intbgħat Rodi biex jieħu idea tad-disinn minn knisja li sa dak iż-żmien kienet saret moskea. Cassar għamel hekk imma bidel ħafna mid-disinn u rnexxielu joħroġ kapolavur.

Il-knisja bdiet tintuża mill-Ordni imma t-tiżjin li nafu llum sar seklu wara. Il-Gran Mastru Cottoner riedha tkun tal-kalibru tal-knejjes f’Ruma u kien qabbad lill-artist Sqalli Mattia Preti li rnexxielu joħloq fost l-isbaħ tempji barokki fl-Ewropa.

Min-naħa l-oħra l-faċċata tal-knisja hija modesta. Trid tiftakar li nbniet fi żmien mhux bogħod wisq mill-Assedju l-Kbir u allura għandha ħjiel ta’ fortizza. Fuq il-bieb prinċipali hemm gallarija minn fejn il-Gran Mastru kien jindirizza lill-poplu. Mill-bqija xejn aktar. Imma meta wara li tara l-faċċata tidħol ġewwa tara kuntrast enormi… meravilja tal-arti: il-pittura tas-saqaf, id-disinn tal-iskultura mal-ħitan u l-kappelli, ix-xbieha ta’ San Ġwann jgħammed lil Kristu wara l-artal u l-art mimlija oqbra bl-isbaħ kuluri ma tixbax tħares lejhom.

U minbarra l-oqbra fl-art tat-tempju hemm ukoll kannierja fejn huma midfuna l-Gran Mastri li ħakmu lil gżiritna. Meta telqu l-Kavallieri minn Malta l-knisja bdiet ftit ftit tieħu importanza daqs il-Katidral tal-Imdina.

Wara kollox, fil-belt kapitali ma kienx hemm katidral tar-reliġjon tal-gżira. B’hekk fis-seklu dsatax, San Ġwann ingħata t-titlu ta’ Kon-Katidral u minn hemm l-Isqof seta’ jużah bħallikieku l-Katidral. Fit-Tieni Gwerra Dinjija ħafna mill-bċejjeċ tal-arti kienu tneħħew minn San Ġwann u mnalla, għax intlaqat bi żbrixx imma ma ntilef xejn minnu. B’hekk illum għadu jsaħħar lil kull min iżuru.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN