Radju Kafé
Kurżitajiet

Il-Korp tal-Pulizija

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kull pajjiż demokratiku fid-dinja jeħtieġ li jkollu grupp ta’ nies li jieħdu ħsieb il-bon ordni. Kieku ma jsirx hekk ma jkunx hemm ġustizzja. Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta kien twaqqaf fit-12 ta’ Lulju 1814,
fi żmien li Malta kienet maħkuma mill-Imperu Ingliż. Iżda tajjeb ninnutaw li minkejja li konna kolonja, f’Malta l-korp twaqqaf qabel twaqqaf korp ta’ pulizija fl-Ingilterra stess! Infatti l-Korp f’Malta twaqqaf fl-1814 waqt li dak fl-Ingilterra twaqqaf fl-1829, ħmistax-il sena wara.

Fil-bidu tal-korp, qabel mal-pulizija kellhom uniformi, il-membri kienu jingħarfu mill-pistola, stallett jew lembuba li kien ikollhom ma’ qaddhom.

Lejn nofs is-seklu 19, il-korp kellu 208 pulizija ngaġġati miegħu mqassma f’45 għassa. Is-salarji kienu minn 450 lira f’sena għal Spettur, qisu l-Kummissarju ta’ llum, sa 18-il lira għal Kuntistabbli stazzjonat f’Għawdex. Qed insemmi dan l-uffiċjal partikolari stazzjonat f’Għawdex, għax għal xi raġuni, Kuntistabbli stazzjonat f’Malta kien ikollu 2 liri aktar.

Fl-1885 saret l-ewwel ordinanza tal-Pulizija fejn kull membru ried bilfors iservi mill-inqas sentejn fil-korp, u ried iservi għal 30 sena biex ikun intitolat għall-penzjoni. Nafu li maż-żmien din niżlet għal 25 sena.

Kienu bosta l-binjiet minn fejn tmexxa l-Korp tal-Pulizija. L-ewwel uffiċċju kien fil-Klistanija, fejn illum hemm id-Dipartiment tas-Saħħa fi Triq Merkanti l-Belt. Imbagħad l-uffiċċju prinċipali mar fil-ġenb tal-Palazz tal-Gvernatur fi Triq l-Arċisqof. Wara l-Pulizija kienu marru fi Strada Stretta, taħt il-qorti l-antik.

Il-post li jmiss, is-Sacra Infermeria kienet l-ewwel binja li ssejħet Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fejn illum hemm Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.

Minħabba li fl-aħħar gwerra ħafna attakki kienu jsiru fl-inħawi tal-Port il-Kbir, il-Kwartieri Ġenerali kellhom jiċċaqilqu bogħod mill-azzjoni tal-gwerra u għalhekk kienu rilokati lejn l-Istitut Vincenzo Bugeja f’Santa Venera. Dak iż-żmien bdew jissejħu l-Police War Headquarters.

Minkejja li għaddiet il-gwerra, l-Kwartieri xorta baqgħu f’Santa Venera sal-1954, meta l-Konservatorju fil-Furjana li qabel kien iservi bħala Sptar Ċentrali beda jospita l-Kwartieri Ġenerali kif nafuhom illum – id-Depot.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN