Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Il-Lelluxa

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Fir-rebbiegħa ssebbaħ kull nitfa biċċa art. Tikber waħedha, tissejjaħ selvaġġa imma toħloq twapet sħaħ dehbin fil-kampanja madwar Malta u Għawdex. Jingħad li ilha fil-gżejjer tagħna saħansitra qabel il-miġja tal-bniedem. Hija waħda mill-aktar pjanti abbundanti lejn tmiem ir-rebbiegħa.

Tissejjaħ lelluxa… u tabilħaqq tlellex. Hija fjura f’forma ta’ xemx kbira u sabiħa u għandha lewn isfar dehbi. Flimkien mal-ħaxixa Ingliża u l-ġarġir isfar, tagħti l-lewn safrani lill-inħawi naturali ta’ pajjiżna. Fl-istaġun tagħha taf toħloq mergħat sħaħ ilellxu b’lewnha sabiħ.

Bl-Ingliż isejħulha Crown Daisy… għax suritha tabilħaqq fiha forma ta’ kuruna tleqq. Ġejja mir-razza tal-Kriżantemi, kelma li ġejja mil-Grieg u tfisser fjura tad-deheb. Għalkemm hemm uħud li minbarra l-kulur isfar, il-fjuri jkollhom ukoll l-abjad fit-truf tal-petali.

Il-lelluxa għandha z-zokk b’saħħtu, wieqaf u minnu joħorġu diversi friegħi biex jipproduċu ħafna fjuri. Il-weraq ukoll huma xi ftit partikolari. Għandhom forma kumplessa qisha magħmula minn weraq żgħar f’forma ta’ siġra żgħira. L-aħdar tal-werqa huwa skur u leqqien. Fuqu l-fjura safra tidher tispikka aktar.

Meta jitħallew jikbru fl-għelieqi, tarahom weqfin weqfin qishom iridu jidhru. U ġieli z-zokk tagħhom jikber anki metru għoli. Jipproduċu ħafna żerriegħa minn kull fjura u allura kull pjanta kapaċi xxerred mijiet jekk mhux eluf ta’ żrieragħ biex l-istaġun tas-sena ta’ wara tkompli tiksi artna bl-isfar.

Jgħidu li l-lelluxa kienet tintuża għal skop mediċinali wkoll. Hemm min isemmiha b’rabta ma’ mard venerju, inkella minflok il-kamumilla. Smajt li l-Ġappuniżi jinkludu l-lelluxa anki fl-ikel, imma għandhom il-mod tagħhom kif isajruhom. Fil-fatt meta xxomm lelluxa, tant għandha riħa qawwija li kultant tfakkrek fil-kamumilla u kultant ixxommha tinten. Naf żgur li tintuża f’xi prodotti tax-xagħar… forsi biex ix-xagħar isfar jidher isbaħ?

Insomma… min jaf kemm konna naqtgħu lellux u nnittnu idejna seba’ pesti biex noqgħodu naqtgħulhom il-petali waħda waħda u ngħidu: she loves me, she loves me not… kemm konna boloh!

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN