Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Loġġa ta’ Raħal Ġdid

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ma niftakarhiex wieqfa. Morna noqgħodu Raħal Ġdid meta kienet intemmet. Imma n-nies isemmuha kienu jaffaxxinawni.  It-triq li kienet tgħaddi minn taħtha għadha sa llum jisimha Triq l-Arkata, imma meta kont żgħir niftakar ix-xjuħ isejħulha Strada Loggia.

Kienet tinsab quddiem il-knisja l-kbira ta’ Raħal Ġdid, fil-pjazza. Kienet loġġa bejn żewġ binjiet;

il-binja fuq il-lemin fejn illum hemm każin tal-banda u binja fuq ix-xellug fejn illum minflokha hemm każin politiku, fejn xi snin ilu kien jarma s-suq.

Nismagħhom jgħidu li tax-xellug kienet propjeta tal-Gran Mastru Antoine De Paule, dak li kien waqqaf ir-raħal.  Ta’ min jinnota li Raħal Ġdid, Casal Paola, kien l-uniku raħal li waqqfet l-Ordni f’pajjiżna. L-oħrajn kienu kollha bliet. De Paule waqqaf ir-raħal fuq l-għolja magħrufa bħala Tal-Għerien, u kien iħobb imur fuq għolja oħra viċin, Ta’ Kordin, biex jikkaċċja. Minħabba din in-namra, il-Gran Mastru kien bena l-loġġa biex fiha jżomm l-affarijiet tal-kaċċa.

Lejn nofs is-seklu għoxrin, il-loġġa sabet lilha nnifisha fl-aktar post ċentrali tar-raħal. Fl-imgħoddi ċ-ċentru tar-raħal kien il-misraħ ta’ Sant Ubaldeska. Imma meta nbniet il-knisja ta’ Kristu Re u saret il-pjazza kbira, il-loġġa mhux biss ġiet fiċ-ċentru, imma propju quddiem il-knisja.

Nismagħhom jgħidu li warajha kien hemm bitħa kbira u xi garaxxijiet. Fis-sajf f’din il-bitħa kienu jagħmlu t-teatrin u naf min jiftakar anki lil Victor Tedesco tal-Ħamrun imur jirreċta hemm f’żgħożitu. Faċċata ta’ din il-bitħa kien hemm il-maħżen ta’ Wenzu Coleiro fejn kien jarma l-karrijiet għall-Karnival.

Il-binja li tinfed mal-loġġa għamlet żmien isservi bħala każin tal-Hibernians, u x-xjuħ jgħidu li l-kamra tal-kumitat kienet propju l-loġġa nnifisha, fuq it-triq.

Lejn nofs is-snin sittin kien deċiż li l-loġġa ma tibqax iżjed. Kien twaqqa’ l-bini tan-naħa tax-xellug u la neħħewlha driegħ mit-tnejn fejn kienet isseraħ, sena wara kompliet taqa’ waħedha bil-maltemp.

Ħasra li din il-landmark fin-naħa t’isfel ta’ Malta m’għadhiex teżisti ħlief fir-ritratti imprezzabbli li fadal.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN