Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Luzzu u l-Kajjikk

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Tarahom Marsaxlokk titgħaxxaq bihom. Mifruxin mal-bajja kollha telgħin u neżlin donnhom f’korjografija waħda skont il-kurrenti ħfief tal-baħar. Għalina huma għaxqa għall-għajnejn, għax-Xlukkajri huma l-għodda għall-għajxien.

Jingħad li l-kelma luzzu ġejja minn Sqallija. Il-kelma guzzo tfisser opra tal-baħar li tintuża għas-sajd. Imma l-forma tal-luzzu jidher li ġejja saħansitra minn żmien il-Feniċi. Hija forma magħmula apposta għal kontra l-baħar qawwi, biex din il-qoxra tibqa’ stabbli anki fl-imbatt kultant perikoluż.

Il-par għajnejn fuq quddiem tal-luzzu żgur ġejjin minn dawk iż-żminijiet. Jgħidulhom l-għajnejn ta’ Osiris. Osiris kien alla Eġizzjan tal-fertitlità, il-mewt u kienu jsejħulu Sultan fuq il-Ħajja. U propju għalhekk kienu jpinġu dawn l-għajnejn fuq quddiem tal-luzzu; biex Osiris jipproteġi l-ħajja tas-sajjieda meta jkunu f’nofs ta’ baħar jikkumbattu biex iġibu l-għajxien lejn l-art u lejn familthom.

Il-luzzu għandu lwien mill-isbaħ; ikħal, isfar, aħmar u aħdar. Il-parti safra fin-nofs hija l-aktar biċċa prominenti u jingħad li fl-imgħoddi din kienet tkun ta’ kulur differenti skont minn fejn hu s-sajjied. L-isfar kien ta’ Marsaxlokk; kien hemm ukoll l-aħmar u l-iswed biex meta tara lil xi ħadd fuq il-baħar tintebaħ minn fejn ħareġ dak is-sajjied.

Fl-imgħoddi, meta ma kienx hawn muturi, il-luzzu kien ikollu l-qlugħ. Biex tasal f’postijiet fejn is-sajjieda jmorru għal-pixxispad jew għal-lampuki żgur ma tistax tmur bil-qdif. F’Għawdex kienu jużaw luzzijiet ikbar, bi qlugħ kbar ħafna u kienu jsejħulhom Dgħajjes tal-Latini. Dawn kienu jintużaw ħafna biex iġorru nies u munizzjon bejn iż-żewġ gżejjer. Fl-1948 kienet saret traġedja b’waħda minnhom f’Ħondoq ir-Rummien u kienu mietu n-nies.

Il-luzzu huwa magħmul għall-ponta kemm fil-pruwa fuq quddiem kif ukoll fil-poppa fuq wara. Dawk li l-poppa tagħhom ma tkunx għall-ponta imma tkun ċatta jissejħu kajjikki, mhux luzzijiet. Għal din ir-raġuni kajjikk normalment ikun iżgħar mil-luzzu. Niftakar li missieri kellu kajjikk u konna nżommuh il-Kalkara. U fl-ibliet li jieħdu sehem fir-Regatta, l-kajjikki jużawhom f’tiġrija apposta għalihom.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN