Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Il-Magna tal-Ħjata

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ħafna nisa kienu ħajjata. Għalihom u għall-familja kienu jħitu l-isbaħ ħwejjeġ. Kważi ħadd ma kien jiflaħ jixtri ħwejjeġ lesti u allura jew kienu jixtru d-drapp inkella joftqu xi ħwejjeġ antiki biex minnhom joħorġu xi ħaġa ġdida. Anki d-drapp, ġieli biex joħduh b’irħis, minflok jixtru bil-jarda minn xi ħanut, in-nisa kienu jmorru f’xi suq u jixtru mingħand “tal-biċċiet”, li kien ikollhom ħafna bċejjeċ ta’ drappijiet fi lwien, materjal u daqsijiet differenti, kulħadd iqalleb biex jara x’jgħodd għalih, u kulħadd jixtri li jgħoġbu u jaqbillu.

Wara li jfasslu dak li se jħitu, in-nisa kienu jxellu bil-ħajt tat-tixlil, jippruvaw fuq il-persuna, idaħħlu jew joħorġu kemm hemm bżonn biex tiġi eżatt, imbagħad iħitu. U għal dan il-għan kienet tidħol il-magna tal-ħjata.

Kien hawn ditti differenti imma l-aktar waħda popolari kienet Singer. Tinstaq bil-pedali permezz tas-saqajn li jdawru rota kbira tal-ħadid u magħha ħabel b’saħħtu li jdawwar ir-rota iżgħar tal-magna, dik li tista’ ddawwarha bl-idejn ukoll għal xogħol bir-reqqa.

Il-ħajjata kienet tqabbad minċott ħajt skont il-kulur tad-drapp ma’ fuq tal-magna, tmexxi l-ħajta sal-labra, iddaħħal il-ħajta fil-labra u tħaddem il-magna dawra waħda sakemm il-ħajta taqbad ta’ ħajta oħra li jkun hemm f’mekkuk taħt il-magna. Kif joħorġu ż-żewġ ħajtiet, tiġbed ’il barra, idaħħal id-drapp li se tħit u tibda bil-mod. Jidher proċess twil imma l-ħajjata kienu jħaffu u jagħmlu dan kollu f’kemm ili ngħid.

Wara li tħit, kienu jippruvaw l-ilbies biex jekk ikun hemm bżonn ittella’ xi keffa, taqbad u tħitha dak il-ħin. Imbagħad ikun imiss iż-żippijiet, aċċetti, buttuni u aċċessorji oħra. Fost dawn kien hemm bċejjeċ tal-plastik oħxon, imsejħa għadam, biex jinħietu fl-għonq biex joqgħod dritt u pulit.

Infatti ħafna ħajjata kont issibilhom kollezzjonijiet sħaħ ta’ minċotti kull kulur. Minċott ta’ lewn li tuża darba tista’ terġa’ tiġi bżonnu xi darba oħra. U xi ngħidu għall-buttuni? Dawn ukoll kienu jżommuhom; l-aktar minn xi ħwejjeġ li kienu joftqu… biexisibuhom jekk xi darba jiġu bżonnhom ukoll.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN