Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Mall

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Minn dejjem għoġobni l-ġnien dritt, dejjaq u tawwali fil-Furjana. Is-siġar tul il-Mall iservu bħala d-dell meħtieġ meta jkollok bżonn timxi mill-Furjana sal-Belt fl-eqqel tas-sajf. Ħafna nies li jkollhom xi qadja fl-inħawi tad-Depot jew it-Teżor jużaw lilu biex jaslu fid-dell sal-venda tal-linja fil-Belt. Jieħu mill-inħawi tal-Argotti u Ġnien San Filippu sa tarf il-Biskuttin fejn hemm l-istatwa ta’ Kristu Re quddiem id-daħla prinċipali tal-belt Valletta.

Il-Mall inbena taħt il-Gran Mastru Lascaris fl-1656 bħala post għad-divertiment tal-Kavallieri tal-Ordni. Anki l-isem juri dan. Hemmhekk il-Kavallieri kienu jilgħabu l-logħba tal-Maglio, u minn hemm ħareġ l-isem.Din il-logħba kienet tintlagħab bi speċi ta’ ballun tal-injam li jkun imbuttat minn mazza kbira sakemm jilħaq il-post mixtieq b’limitazzjoni ta’ daqqiet… speċi ta’ golf tal-antik.

Il-Mall kellu ħitan għoljin fuq iż-żewġ naħat u biex tgħaddi minn naħa għall-oħra kien ikollok iddur minn barra. Imma wara l-gwerra dawn twaqqgħu u l-ġnien seta’ jidher minn barra kif nafuh illum.

Bħalma l-Mall ta’ Malta jwasslek għal quddiem il-Bieb tal-belt kapitali, f’Londra ukoll hemm The Mall, li jwasslek għal quddiem il-Palazz Buckingham, illum ir-residenza uffiċjali tal-Familja Rjali Ingliża. Anki hemm sekli ilu kienet tintlagħab din il-logħba u l-post imdawwar bis-siġar ukoll.

Il-Mall ta’ Malta mhux siġar biss fih. Insibu xi ħwat tal-ilma u għadd ta’ monumenti ta’ personalitajiet lokali; uħud monumenti sħaħ u oħrajn busti. Fit-tarf tal-ġnien fuq in-naħa tal-belt, insibu monument ieħor u akbar; dak tal-Indipendenza… fejn jitpoġġew il-fjuri kull 21 ta’ Settembru. Qabel sar dan il-monument, ħafna jiftakru l-monument tal-Gran Mastru Vilhena, dak li bena l-Furjana. Illum dan il-monument tpoġġa f’nofs il-pjazza ta’ maġenb Triq Sant Anna. Dan il-monument tal-Gran Mastru ġera mhux ħażin. L-ewwel kien fil-misraħ tal-Forti Manoel, imbagħad tmexxa għall-Belt f’nofs dik li kien jisimha Piazza Tesoreria, tneħħa biex minfloku għamlu r-Reġina Vittorja, poġġewh fit-tarf tal-Malla sakemm tneħħa minn hemm ukoll.

Fil-Furjana l-Mall jaqsam lil Balzunetta mill-bqija tal-Furjana… u għall-Furjaniżi huwa l-post fejn jiltaqgħu bi nhar. Filgħaxija fis-sajf jinġabru għall-frisk fuq il-Fosos u bi nhar għad-dell fil-Mall.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN