Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Il-Manjieri

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Maż-żmien veru li bdew jonqsu. Fi tfulitna konna nitgħallmu l-manjieri fl-iskola, speċjalment fil-lezzjonijiet tas-Civics. Imma l-akbar eżempji tal-manjieri konna noħduhom mid-dar; fil-mod kif inġibu ruħna waqt l-ikel, matul il-ġurnata, meta nivjaġġaw u f’kull mument ta’ ħajjitna. La aħna m’aħniex ngħixu waħedna, rridu nagħmluha mal-oħrajn u l-manjieri huma l-metodu kif nirrispettaw lil xulxin f’kull sitwazzjoni. Dan jiddependi minn kemm aħna ddixxiplinati magħna nfusna jew le.

Per eżempju ma jiswewx flus il-kelmiet Grazzi u Jekk Jogħġbok. Kemm hu isbaħ li nkunu ġentili meta nitolbu xi ħaġa u grati meta naqilgħuha. U kemm jidher pastaż min ma jużahomx!

Kemm hu sabiħ ukoll meta nużaw il-manjieri fuq il-mejda. Inkunux fid-dar inkella ġo ristorant tajjeb li nirrispettaw lil ta’ ħdejna billi ma nibdewx nieklu qabel ma jkun servut kulħadd u kulħadd qiegħed mal-mejda, billi ma nitkellmux bl-ikel f’ħalqna, billi ma nagħmlux ħsejjes b’ħalqna aħna u nieklu u lanqas ngħajtu biex nitkellmu. Dawk li jemmnu anki jinsistu li jgħidu talba qabel l-ikel u min jifhimha mod ieħor irid jirrispetta lil min jaħseb hekk. Dik ukoll hija manjiera. Fuq kollox mhix manjiera tajba li naqbdu l-ikel b’idejna. Dan l-aħħar qiegħda ssir moda li jservuna ikel biex naqbduh b’idejna… f’ristoranti apposta. Ħasra!

Anki barra t-triq, jekk aħna mexjin fuq bankina ma’ xi ħadd anzjan jew xi tfal, għandna noqgħodu n-naħa ta’ barra aħna biex nipproteġuhom mill-karozzi. L-istess fuq it-trasport pubbliku; jekk inkunu bilqiegħda u titla’ mara tqila, jew xi anzjani jew xi persuna bi bżonnijiet speċjali, għandna nqumulhom u nċedu l-post biex ipoġġu huma. L-istess m’għandniex inpouu f’postijiet li qegħdin apposta għall-wheelchairs.

Il-manjieri għandhom ikunu anki mal-ġirien. Ma ndoqqux mużika għilja f’kull ħin tal-ġurnata. Ma naħdmux b’apparat storbjuż f’ħinijiet li n-nies jistrieħu. U lanqas immorru nħabbtulhom jew inċemplu f’dawk il-ħinijiet. U fuq kollox ma mmorru qatt inċuruhom f’ħin l-ikel, għax qisna qed nistiednu lilna nfusna biex nieklu wkoll.

Il-manjieri qatt m’huma moda jew le.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN