Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Maqluba

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Wieħed mill-isbaħ postijiet f’Malta, forsi għax il-bniedem ftit jista’ jilħqu… ħofra enormi wara l-kappella ta’ San Mattew fit-tarf tal-Qrendi… ħofra mimlija siġar ta’ kull daqs u għamla. Tant hemm siġar li l-art fejn huma miżrugħin ma tidhirx. Il-ħofra mdawra b’irdumijiet fondi, qisu xi darba dik l-art tonda sfrundat.

Ħadd ma jaf eżattament kif din l-art żviluppat b’dan il-mod, u hemm aktar minn interpretazzjoni waħda. U min isemmi nies ħżiena, min iqabbilha ma’ Sodoma u Gomorra fil-bibbja u l-istorja tiżżejjen maż-żmien u min iżid u min inaqqas imbasta l-istorja tiegħu tkun interessanti. Jgħidu li bħala kastig l-art inqalbet ta’ taħt fuq u għalhekk tissejjaħ il-Maqluba.

Hemm min jgħid li n-nies li kienu joqgħodu hemm kienu jgħixu ħajja ħażina u b’kastig is-sema ppermettiet li din l-art tinqered… l-istorja tkompli li dik l-art qabduha l-anħli u tefgħuha f’nofs ta’ baħar.

L-istess ġrajja tgħid li l-art li rmew l-anħli l-baħar hija l-gżira ta’ Filfla ftit bogħod mill-Maqluba. Jgħidu wkoll li dakinhar salvat persuna waħda biss li kienet qiegħda tgħix ħajja tajba. Anzi jgħidu li l-kappella ta’ San Mattew inbniet fuq fejn kienet tgħix dil-persuna twajba.

Varjant ieħor ta’ din il-leġġenda hija li kien ġgant li tant iddejjaq bil-ħajja ħażina tan-nies li b’daqqa waħda qala’ l-art u tefagħha fil-bħaħar biex iffurmat Filfla.

Imma l-aktar storja li titwemmen toħodna lura fil-medju evu. Kien il-jum tat-23 ta’ Novembru 1343 meta tempesta qalila ħabtet fuq il-gżejjer Maltin… u possibilment terremot ukoll… u l-art sfrondat. Il-blat tal-madwar huwa franka tas-sekinda, jiġifieri ġebla li tittiekel malajr u allura mhix xi ħaġa kbira li s-saff artab ittiekel bl-ilmijiet li jiskulaw fl-inħawi u l-wiċċ malajr sfronda fuq kollox.

Illum fil-Maqluba ħajja ħażina żgur m’hemmx… hemm biss il-paċi ta’ siġar, veġetazzjoni u kreaturi li jgħixu fil-paċi tan-natura mingħajr il-bniedem li għandu ħabta jeqred kulma jsib biex iħaxxen butu… jew għall-gost egoista tiegħu.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN