Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Marsa tal-Ingliżi

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Fiż-żmien li Malta kienet bażi Ingliża, ħafna postijiet strateġiċi kienu f’idejhom. Anzi nażżarda ngħid li kienu jikkapparraw isbaħ postijiet għalihom… postijiet bħal Bighi, l-Imtarfa, Ħal Far, Ħal-Luqa, Ħal Safi, Beltissebħ, Tigne, Manoel Island, Sant Anġlu, biċċa art enomri minn San Ġorġ ta’ San Ġiljan sa Sant Andru u sa kważi Baħar iċ-Ċagħaq, u l-art kbira ċatta fil-Marsa fejn kienu jipprattikaw diversi sport differenti.

Minħabba li viċin hemm is-subborg tal-Marsa u l-Port tal-Marsa, biex tingħaraf din l-art li qed insemmi konna nirreferu għaliha bħala l-Marsa tal-Ingliżi. Il-Maltin ma setgħux jidħlu, bħal kull art oħra li żammew għalihom. Minħabba li f’din l-art jiskula ħafna ilma kull meta tagħmel ix-xita, f’din l-art jikber ħafna ħaxix li l-Ingliżi kkultivaw biex fuqha jilgħabu l-golf.

Barra minn hekk għamlu wkoll grawnds bil-ħaxix, fi żmien meta mkien aktar f’Malta ma kien hawn bħalhom. Fihom kienu jilgħabu l-futbol, cricket u rugby. Fil-parti tan-nofs bnew ukoll klabb fejn jirrilassaw, imdawwar bi spazji għal sport ieħor bħal tennis u għawm. U madwar il-Marsa tal-Ingliżi kollha kien hemm korsa għaż-żwiemel bi spazju maġenbha fejn kienu jipprattikaw sport ieħor relatat maż-żwiemel bħal dressage u polo.

Jekk ma kienx ikollok xi ħadd jiġi minnek jaħdem hemm ġew, il-Maltin stajna nidħlu biss il-Ħadd waranofsinhar naraw it-tiġrijiet taż-żwiemel. Il-korsa tant kienet kbira li bis-siġar parti kbira mit-tiġrija ma stajtx taraha. Allura meta l-Marsa għaddiet f’idejn il-Maltin saret korsa iżgħar madwar l-ispazju fejn kien jintlgħab il-polo. Il-Maltin żviluppaw ukoll il-grawnds tal-futbol u hemmhekk beda t-taħriġ nazzjonali għat-tfal f’ħafna sport. L-istadium prinċipali tal-futbol ma setax ikompli jintuża għal dak l-isport għax meta saret it-trakka għall-atletika ċekknet il-pitch tal-futbol u ma baqax jista’ jintuża għal partiti uffiċjali.

Minħabba l-ħafna ilma li jgħaddi minn hemm qabel imur fil-baħar, kien sar kanal twil minn naħa sa oħra fi żmien l-Ingliżi biex kemm jista’ jkun l-għargħar ma jħarbatx il-kumpless.

U bilħaqq, f’nofs dan l-isport kollu, hemm kappella żgħira medjevali… Ta’ Ċeppuna, iddedikata lil Santa
Marija.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN