Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Martirju ta’ San Valentinu

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ta’ kull sena, ħafna maħbubin jistennew bil-ħerqa l-jum tal-14 ta’ Frar li f’ħafna pajjiżi huwa ddedikat lilkom; Jum il-Maħbubin. Tara ħafna ħwienet imżejnin b’ħafna qlub u l-kummerċ għaddej; kollox immirat biex dawk li huma f’koppja jiċċelebraw l-imħabba tagħhom.

Imma żomm… semmejt ħafna affarijiet u ma semmejtx li, fuq kollox, dan huwa Jum San Valentinu; qaddis li, ried jew ma riedx, ġie assoċjat mal-imħabba.

Jgħidu li San Valentinu kien qaddis Ruman tat-tielet seklu. Mhux kulħadd jaqbel dwar id-dettalji ta’ ħajtu. U ngħiduha kif inhi, il-maħbubin ftit jinteressahom minn dan il-qaddis u x’kien jagħmel. Ftit jinteressahom li kien qassis u x’aktarx isqof. U ftit jinteressahom li kien miet fl-14 ta’ Frar… b’martirju!

Il-leġġenda tgħid li fi żmien l-Imperatur Klawdju II, dan Valentinu kien iżewweġ lis-suldati li mhux suppost setgħu jiżżewġu taħt il-ħakma tal-Imperu Ruman. Minħabba f’hekk ir-Rumani malajr arrestawh, kaxkruh mat-toroq, sawtuh, tefgħuh il-ħabs u fl-aħħar qatgħulu rasu. Jingħad li ftit qabel ingħata l-martirju, kien bagħat ittra lil xi ħadd u ffirmaha “il-Valentinu tiegħek”, frażi li għadha tintuża mill-maħbubin sa llum f’dawn il-ġranet.

Jiġifieri l-jum tal-14 ta’ Frar huwa jum ta’ martirju, ta’ qtugħ ir-ras u ma hemm xejn romantiku fih. Imma dal-jum ilu ddedikat lill-maħbubin sa mill-medju Evu. Kien iżda lejn tmiem is-seklu 18 li bdiet l-użanza ta’ fjuri, ċikkulatini u kartolini, użanza li għadha għaddejja sa llum.

Nimmaġina li San Valentinu jieħu għalih jekk isir jaf li l-jum tal-qtil tiegħu huwa l-aktar jum romantiku tas-sena. U jieħu għalih iktar jekk isir jaf li wara martirju bħal dak, lanqas biss għadu hu l-eroj ta’ Jum il-Maħbubin. L-eroj illum sar Cupid, anġlu ċkejken li jingħad li jispara l-vleġeġ ta’ mħabba biex ilaqqa’ koppji. Min jaf kemm hawn min jirringrazzja lil dan Cupid… u min jaf kemm hawn min jidgħilu!

Cupid huwa l-alla Ruman tal-imħabba erotika u l-ġibda bejn il-maħbubin. Huwa wkoll iben l-alla tal-imħabba Venere. Fil-mitoloġija Griega, Cupid isir Eros; bħal dak li hemm fuq il-funtana f’Piccadilly Circus f’Londra.

Insomma, il-jum it-tajjeb lill-Valentini kollha!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN