Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Merill Twitt Twitt

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Le, le… dan it-titlu m’għandu x’jaqsam xejn ma’ Twitter. Il-Merill Twitt Twitt ġiet ħafna qabel ġie vvintat Twitter. Huwa t-titlu ta’ kanzunetta bil-Malti li ħadet sehem fil-25 edizzjoni taż-Zecchino d’Oro fl-1982.

Kien kantaha t-tfajjel Stefan Galea u kien fiha parti żgħira bit-Taljan minħabba l-udjenza Taljana. Kienet kanzunetta ħelwa, tat-tfal, li wasslet lil udjenza internazzjonali ftit għarfien dwar l-għasfur nazzjonali tagħna. Infatti l-Merill huwa l-għasfur nazzjonali ta’ Malta.

L-isem xjentifiku tiegħu huwa Monticola Solitarius waqt li bl-Ingliż jissejjaħ Blue Rock Thrush. Ir-raġel għandu kulur blu sabiħ waqt li l-ġwienaħ u d-denb fih xi iswed. Min-naħa loħra l-mara tkun kannella. L-aktar li ssib il-merill huwa fl-irdumijiet, speċjalment dawk li jagħtu għal fuq il-baħar. Minħabba li aktar issib irdumijiet lejn il-punent ta’ Malta, fin-naħa tal-lvant ftit issib minnhom.

Jgħix billi jiekol ġurati, dud u gremxul li minnhom issib ħafna fl-ambjent tiegħu. M’huwiex għasfur li jpassi għax ikun f’pajjiżna s-sena kollha. Infatti anki jbejtu hawn. Jiffurmaw bejta għall-bidu tar-rebbiegħa bi zkuk irqaq niexfa jew xi rix li jaqgħu lilhom stess, imbagħad qabel jibda s-sajf l-għasfura tbid bejn 4 u 6 bajdiet. Matul staġun wieħed, il-mara tista’ tbid darbtejn.

Jekk il-mara tal-merill għandha ż-żmien tagħha meta tbid, ir-raġel għandu ż-żmien tiegħu meta jgħanni. Huwa jsaffar biss bejn nofs ix-xitwa u meta jibdew iħejju l-bejta. Għandu tisfira qawwija u fl-ambjent ta’ rdumijiet u widien, tinstema’ tidwi sew.

Il-Merill kien ingħażel bħala l-għasfur nazzjonali lejn il-bidu tas-snin sebgħin, ma’ Widnet il-Baħar bħala pjanta nazzjonali. Fit-18 ta’ Settembru 1971 kienu ħarġu bolli kommemorattivi bil-merill fuqhom għall-okkażjoni. Il-Merill kien jidher ukoll fuq l-unika munita li qatt ħarġet b’valur ta’ lira Maltija. Qabel dejjem kienet karta imma meta ħarġet munita, sakemm qlibna għall-ewro, il-lira kellha l-Merill fuqha.

F’Mejju tal-2019 il-Merill reġa deher fuq il-bolli bħala parti minn ħruġ ta’ bolli madwar l-Unjoni Ewropeja kollha
bl-għasafar nazzjonali ta’ kull stat.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN