Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Il-Mili

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Aħna l-Maltin inħobbu nieklu u għandna ikel tajjeb tassew. Il-klima Mediterranja tagħtina ikel b’togħmiet qawwijin, bnini u li jagħtu palat mill-aqwa. Il-ħxejjex tagħna jaqilgħu ħafna xemx u ma jinfaqgħux bl-ilma u allura t-togħma tkun l-itjeb possibbli. U la nħobbu nieklu tajjeb, sinjal li nsajru tajjeb ukoll. U nħobbu nżewqu l-ingredjenti biex noħorġu l-itjeb riċetti, fost oħrajn meta nimlew l-ikel b’ikel ieħor biex inħalltu t-togħmiet.

Kemm huma tajbin il-qarabagħli mimlijin bil-kapuljat imħallat ma’ bajda u xi ħwawar. Hawn min jitfagħhom fil-brodu, fi stuffat jew fil-forn. Hawn min anki jimlihom bl-irkotta. Hawn min anki jimla’ t-tadam ċatt bil-kapuljat jew irkotta. L-istess il-qargħa twil; jimlewh bil-kapuljat għal ġol-brodu. Jew il-brunġiel għal mal-patata l-forn.

Imbagħad hawn min jimla l-bżar aħdar bir-ross misjur u mħawwar u jsajru fiz-zalza tat-tadam. L-istess il-qaqoċċ, jimlewh bl-aljoli, tonn taż-żejt, nagħiegħ, ħabaq u merqtux ma’ naqra żejt taż-żebbuġa u l-ħall u tgħidx kemm jiġi tajjeb. U għal xi riċeviment kemm hawn min joħloq togħma tajba meta jimla’ ż-żebbuġ, kemm kemm pikkanti biex iħajruk tixrob iktar.

Hemm anki għaġin li jimtela’; l-injokki. Meta kien ikollna l-injokki d-dar konna nintefgħu madwar il-mejda kulħadd b’furketta jimla’ kull injokka b’taħlita fi skutella kbira li jkun fiha l-irkotta, bajd, ħalib u tursin qabel jitgħallew għal maż-żalza tat-tadam frisk. L-istess taħlita tintuża wkoll meta jimtela’ r-ravjul.

Meta timla’ biċċa laħam, it-taħlita jkollha kapuljat taċ-ċanga, ħaruf jew majjal, bejken imqatta’ rqiq, bajda u xi ħwawar. Hekk jimtlew il-braġoli li qabel kienu jorbtuhom b’xi spaga jew toothpicks. Bl-istess taħlita timla’ xi falda għal ġol-brodu, xi biċċa majjal jew sidra ta’ tiġieġa għal ġol-forn. Illum dawn idaħħluhom f’xibka apposta biex waqt il-furnata l-mili ma joħroġx. Meta għall-ikel ikun hemm xi klamar, jimtela’ bis-swaba’ tiegħu stess ma’ taħlita bħal ma semmejt tal-qaqoċċ.

U xi ngħidu għal meta jimtlew il-kannoli? Tajbin wisq u jnessuk kull dieta… sakemm nerġa’ nitla’ fuq il-miżien!

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN