Bonġu Kafé
Lokali

Il-Mitħna tar-Riħ

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Ix-Xarolla taż-Żurrieq u dik tax-Xagħra Għawdex rajnihom kemm-il darba. Imma mhux dawk biss kellna mtieħen f’Malta u Għawdex. Kien hawn imtieħen f’kull belt u raħal u f’ħafna minnhom kien hemm aktar minn waħda u ilhom jeżistu minn żmien l-Ordni f’pajjiżna. Jingħad li l-proċess kif taħdem il-mitħna ġabuh il-Kavallieri minn Rodi.

Tissejjaħ mitħna għax fiha jitħnu l-qmuħ. Hija parti integrali mill-produzzjoni tal-ħobż, l-aktar ikel li minn dejjem kien meqjus bħala essenzjali għal kull saff tas-soċjetà.

Il-bidwi kien ikabbar il-qamħ, jidirsu fuq il-qiegħa permezz tal-bhejjem li kienu jirfsu fuqu biex jifirdu l-qamħa mit-tibna, u l-qamħ jieħdu għand it-taħħan. Il-mitħna kien ikollha żewġ kmamar isfel, waħda fejn jidħol qamħ ġdid u l-oħra fejn jinħażen id-dqiq. Imbagħad kien hemm garigor biex minnu titla’ għat-torri mibni għat-tond fuq il-binja kollha.

Fit-torri kellek żewġ ħaġriet kbar li kif iduru mħaxknin eżatt ma’ xulxin, jitħnu l-qamħ ta’ bejniethom biex isir dqiq, smid u nuħħala. Il-ġebliet kbar jiddawru bil-qawwa tar-riħ permezz ta’ raddiena kbira armata bi qlugħ tad-drapp. It-torri kienu jibnuh għat-tond biex ir-raddiena tkun tista’ ddur lejn kull direzzjoni tar-riħ biex twettaq xogħlha bla diffikultà.

Qabel bdew l-imtieħen, kien jintuża l-ħmar tas-sienja li jdum idur u jdur miskin sakemm jitħan il-qamħ kollu, jew sakemm jgħejja… jekk iħalluh jieqaf.

Bil-miġja tal-mitħna, sakemm ikun ir-riħ, ebda bhima ma kienet tgħejja u l-qamħ setgħu jitħnuh bla tbatija. Xogħol it-taħħan kien li josserva r-riħ biex kif jara li jista’ jitħan, jitla’ fuq il-bejt idoqq il-bronja, qoxra ta’ tip ta’ bebbuxu kbir tal-baħar b’toqba f’tarf minnhom biex meta tonfoħ fiha joħroġ ħoss qawwi. B’hekk il-bdiewa kienu jsiru jafu li dakinhar kien se jsir it-tħin u kienu jieħdu t-tgħabija tagħhom lejn il-mitħna. Imbagħad kulħadd jaħżen il-qamħ f’daru biex dejjem ikollhom provvista biżżejjed għall-ħobża ta’ kuljum għal familtu.
Illum ħafna mtieħen għadek tarafhom biss mit-torri tagħhom… minbarra tax-Xarolla u x-Xagħra.
.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN