Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Pitazz

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Hawn min isejjaħlu skritt, imma aħna pitazz konna ngħidulu. Dejjem kien ikun l-għaxqa ta’ kull student…meta jkun għadu ġdid riħa ta’ stamperija u kważi jfaqqa’ int u tiftħu. Kif inżanżnu wieħed, fl-ewwel linji tal-ewwel paġna dejjem konna niktbu bl-aktar kalligrafija pulita u bil-galbu… sakemm nidrawh u nibdew niktbu aktar bil-ħeffa, u ġieli bl-addoċċ, mal-milja tal-paġni.

Kien ikollna erba’ tipi ta’ pitazzi differenti; tal-paġni bir-rigi dojoq għall-kitba, tar-rigi wesgħin għas-somom, tal-kaxxi għat-tpinġija inkella ta’ bla linji xejn li ġieli konna nużawh bħala Scrap Book. Il-linji fil-paġni tal-pitazzi dejjem koħol kienu jkunu.

Ħafna drabi l-pitazzi konna niksuhom; jew bil-brown paper jew inkella b’xi cover ikkulurit tal-plastik, min seta’ jixtrihom. Din il-kisja kienet importanti minħabba li fil-basket għall-iskola kien ikollna l-lunch u jekk pitazz jittebbagħlek, malajr taqla’ xi għajta… jew ġieli anki xi daqqa bir-riga!

Imma qabel niksuhom, il-pitazzi kienu jiġu bil-qoxra stampata. Fi żmien li kont tifel, niftakar pitazzi bil-kelma Sputnik jew bil-kelma Kennedy. Sputnik tfakkarni fis-satellita b’dak l-isem li kienet tellgħet l-Unjoni Sovjetika u Kennedy kien President Amerikan li nqatel fl-1963. Kienet l-eqqel tal-gwerra bierda bejn iż-żewġ superpotenzi u l-propaganda tagħhom waslet anki fuq il-qoxra tal-pitazzi tat-tfal f’Malta u Għawdex.

Niftakar oħrajn bl-uċuħ tar-Reġina Eliżabetta II u żewġha l-Prinċep Philip fuq il-faċċata. U pitazzi oħrajn eħxen, b’aktar paġni, bil-qoxra ħamra tleqq u tiżloq bil-kelma Kensington fuqha.

Għall-bidu konna niktbu bil-lapes biss, sakemm bdejna nikbru u “ġejna promossi” għall-użu tal-biro…isem ta’ kumpanija li kienet tipproduċi l-ball point pen… imma anki meta konna nixtru ta’ xi ditta oħra, xorta biro konna nsejħulha.

Ngħid id-dritt, ċerti pitazzi ma tantx kont niftaħhom id-dar, l-aktar jekk inkun qlajt xi copy u jkollhom paġni wara paġni bl-istess kliem… xi “I must not talk in class” għal xi mitejn darba, donnhom sinkronizzati linja taħt linja. Kitba bl-istess kliem taħt xulxin malajr tiġbed l-għajn u ma kontx irrid lil ommi tinduna li qlajt copy!

Darba fettilli nqaċċat il-paġni tal-copy u rmejthom… imma nqbadt xorta għax il-pitazz ġie irqaq mis-soltu u dak li għamilt deher ovvju!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN