Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Poeta Nazzjonali

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Il-Poeta Nazzjonali tagħna huwa Dun Karm Psaila minn Ħaż-Żebbuġ; dak li kiteb il-kliem tal-Innu Nazzjonali tagħna.

Jgħidu li kien tifel fuq ruħu, imma studja kemm felaħ u sar qassis. Kif ordna, xorta baqa’ joqgħod is-Seminarju fil-Furjana fejn kien jgħallem diversi suġġetti. Il-karattru ferrieħi tiegħu m’għoġobx lil kulħadd u qalgħulha li kellu kunfidenzi żejda, anki ta’ natura sesswali, mal-istudenti. Ma kienx tħalla aktar resident fis-Seminarju u ħassu umiljat.

Mar joqgħod il-Belt, waħdu, u qabditu dipressjoni. Kien jikteb il-poeżija bit-Taljan u ħareġ xi kitba bihom. Għodwa waħda, fl-1912, Dun Karm iltaqa’ ma’ Ġużè Muscat Azzopardi u Mons. Pawl Galea u ħajruh jiktbilhom poeżija għall-ewwel ħarġa ta’ rivista ġdida bil-Malti jisimha Il-Ħabib. Dakinhar, f’daru stess,intefa’ quddiem xbieha tal-Madonna jitlob u ddeċieda li l-ewwel poeżija tiegħu bil-Malti tkun dwar Ommna tas-sema. Qam minn fejn kien u kiteb il-poeżija Quddiem Xbieha tal-Madonna.

Il-fatt li beda jikteb bil-Malti darras lil uħud. Bdew ixerrduha li qed jaħdem għal xi Protestanti. Qalgħu anki qlajjiet minħabba li kien iżomm lis-seftura torqod f’daru. Għamlulu ħajtu infern bil-paroli u botti,fosthom anki qassisin sħabu.

Minkejja kollox qatt ma waqaf jikteb bil-Malti. Kiteb għadd ta’ innijiet reliġjużi. Nadurawk Ja Ħobż tas-Sema kitbu għall-okkażjoni tal-kungress Ewkaristiku tal-1913 fuq mużika tas-Surmast Ġużeppi Caruana.

Probabbli huwa l-aktar innu minn Malta li nqaleb f’ilsna differenti u għadu jintuża madwar id-dinja. L-Innu Nazzjonali għandu storja wkoll; storja li bdiet fl-1921 f’Edinburgh l-Iskozja meta t-tabib mużiċist Robert Samut intalab minn sħabu tobba barranin ikantalhom l-innu ta’ Malta. Mistħi, Samut qalilhom li m’għandniex u qatagħha li jikteb xi ħaġa. Kiteb melodija li spiċċat għand Dr LaFerla, id-Direttur tal-
Edukazzjoni, li għaddieha lil Dun Karm biex jikteb poeżija fuqha. U hemm ħarġet il-famuża Lil Din l-Art
Ħelwa.

L-innijiet u poeżiji tiegħu ma jmutu qatt. Il-ħajja mqallba tiegħu, bis-sabiħ u t-tfixkil kollu li kien hemm min xtaqlu, kienu kollha esperjenzi li rriżultaw fl-isbaħ versi, dawk il-versi li għamluh il-Poeta Nazzjonali tagħna.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN