Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Pudina tal-Ħobż

WAQT IL-KAFÈ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Fl-imgħoddi l-ikel bażiku tal-Maltin kien il-ħobż. Ħadd ma kien isemmi dieti u healthy food. Poplu fqir taħt ħakkiema differenti qatt ma kellu xi għażla oħra. Familji numerużi b’paga waħda, meta l-missier ma kienx ikun qiegħed, ma tantx setgħu jimlew żaqqhom jekk mhux bil-ħobż. U ikel ma setgħux jaħlu, mhux bħal-lum. Allura kienu jixtru ħafna ħobż biex jiekol kulħadd, u jekk jifdal xi ftit jew jilħaq jinxef, jaraw x’se jagħmlu bih.

U ta’ nies bil-għaqal, il-Maltin ħolqu riċetta bnina tassew. Bil-ħobż niexef kienu jagħmlu l-pudina tal-ħobż. Kienu jxarrbu l-ħobż niexef fl-ilma, jgħaffġuh b’idejhom sakemm jiġi għaġna waħda imbagħad inixxfuh f’passatur sakemm jitlaq l-ilma żejjed kollu. Jitħallat bil-biċċiet tal-butir u trab tal-kokkodina, qxur tal-larinġ jew mandolin, zokkor, ħalib, bajd, kannella, noċimuskata u xi frott imnixxef bħal żbib, sultana, passolina, ċirasa, konfettura u xi lewż jew ġellewż. Insomma kulma jkun fadal fis-sejbord kien isib lilu nnifsu parti minn din il-pudina. Kollox isir taħlita waħda, jitfgħuha fil-forn u kull min jidħol id-dar jaqsam qalbu bl-aħbar tajba li “Illum għandna l-pudina!”

U ħafna lanqas kienu jagħtuha ċans tiksaħ… għax sħuna tajba wkoll, jekk mhux itjeb! Fil-wiċċ kien hemm iżejjinha bil-coconuts qisha borra fuq il-ħamrija.

B’hekk mill-ikel li kien jiekol kulħadd, kienu jagħmlu deżerta wkoll. Ma’ xi kikkra tè jew kafè bl-imsiemer tal-qronfol kienet tinżel għasel.

Għal ħafna familji fl-imgħoddi kienet qisha l-isbaħ Christmas Cake jew Christmas Pudding li kienu jaraw għand l-Ingliżi. U ngħiduha kif inhi, fit-tjubija m’għandha xejn inqas. Anzi minbarra l-ingredjenti bnini, wieħed ma jridx jinsa l-għaqal ta’ nies li kienu jsajru t-tajjeb mill-ftit li kellhom.

Illum differenti. Illum ħadd ma joqgħod jistenna li jinxiflu l-ħobż biex jagħmel pudina. Illum min irid jagħmel waħda jixtri l-ħobż apposta għaliha. U minħabba f’hekk, il-pudina saret delicacy kif jixraqilha. Tant hi tajba li ma ħaqqhiex tkun riċetta ta’ ikel li s-soltu jintrema.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN