Bonġu Kafè
Kurżitajiet

Il-Qabru

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Fi żmien meta Malta kellha l-flus tagħha; il-lira Maltija u ċ-ċenteżmi qabel daħal l-Ewro, il-munita tal-ħames ċenteżmi kellha dak li ħafna nies kienu jirreferu għalih bħala granċ. Iżda l-granċ tal-munita ma kienx granċ komuni. Kien granċ tal-ilma ħelu li ssibu biss f’Malta, magħruf bħala il-qabru. Infatti l-isem bl-Ingliż huwa Maltese Freshwater Crab.

Il-qabru jgħix f’ċerti widien fejn ikun hemm l-ilma ġieri s-sena kollha. F’Malta ma tantx issibhom dawn u allura l-ambjent fejn jista’ jgħix huwa limitat ħafna. Jintasab dejjem maġenb xi nixxiegħa fejn ikun ġej l-ilma, inkella taħt xi ġebla għall-kenn jew qalb il-ħaxix. L-ambjent tiegħu huwa l-ilma u dejjem ifittex fejn isib l-umdu. Infatti għandu ħabta jħaffer fit-tajn biex fi żmien in-nixfa tas-sajf ikun xorta f’ambjent umdu. Dawn il-ħofriet jużahom ukoll meta jħossu mhedded minn xi kreatura oħra, fosthom mill-bniedem.

Il-qabru jiekol kemm veġetazzjoni kif ukoll laħam. L-ikel tiegħu ivarja minn weraq sa insetti u bebbux. Normalment, minħabba l-bdil fit-temperatura u allura minħabba d-differenza fl-umdità, il-mara titgħammar fir-rebbiegħa imbagħad tfaqqas il-frieħ fix-xhur sħan tas-sajf.

In-nixfa ta’ pajjiżna mhix l-unika theddida għall-qabru. Il-bidliet spissi fl-ambjent, in-nuqqas ta’ ilma li pajjiżna magħruf għalih, il-bini f’ċerti nħawi rurali u l-bexx esaġerat huma kollha elementi invażivi li jistgħu jeqirdu l-preżenza u l-eżistenza tal-qabru. Anki min jitfa’ annimali li mhux normalment issibhom fl-ambjent Malti huma ta’ theddida għalih, għax faċli jikluh u jeqirduh. Fl-imgħoddi kien hawn Maltin li kienu anki jfittxuh u jaqbdu l-qabru għall-ikel. Dan kollu minbarra t-teħid esaġerat mill-ilma tal-pjan u l-kontaminazzjoni tiegħu.

Tant hu mhedded il-qabru li sar imħares bil-liġi u min jaqbdu jkun qed jiksirha. Il-postijiet fejn jikber u jgħix tant naqsu li ftit għadhom jissemmew biex ħadd ma jitħajjar imur maġenbu għalxejn. Qegħdin isiru wkoll studji kif il-popolazzjoni tiegħu tista’ tiżdied biex tpatti għat-theddid kontrih.

Il-qabru kien iddikkjarat bħala l-Invertebrat Nazzjonali fl-2018.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN