Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Qagħaq tal-Għasel

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kull ġrajja reliġjuża matul is-sena, mit-tradizzjoni, għandha l-ħelu tagħha. Anki ġrajiet ta’ niket fir-Randan għandhom il-ħelu tagħhom, aħseb u ara dawk ta’ ferħ. Il-Milied żgur huwa festa ta’ ferħ u allura xieraq ikollna l-ħelu apposta għall-istaġun. Jekk tistaqsi liema hu l-ħelu tal-Milied, ħafna jwieġbu li hu l-Christmas Cake, il-log tal-Milied, il-Christmas Pudding inkella l-Pannettone. Vera dawn marbutin mal-Milied, imma dawn huma kollha tipi ta’ ħelu ta’ pajjiżi oħrajn… is-soliti l-Ingilterra u l-Italja li fl-aħħar żewġ sekli influenzawna f’kollox, xejn inqas fl-ikel.

Il-ħelu tradizzjonali Malti għal-Milied huwa l-Qagħaq tal-Għasel. Ħasra li sirna nsibuh tul is-sena kollha u allura n-nies ma tantx jassoċjawh mal-istaġun tal-festi. Imma dak hu.

Isimhom forsi jiddevjana minn dak li nsibu fihom. Il-Qagħaq tal-Għasel ma fihom ebda għasel fihom. Fihom iżda l-għasel iswed, it-treacle… u għalhekk insibu l-kelma għasel fl-isem. Iżda kien hawn min isejħilhom ukoll Qagħaq tal-Qastanija. Il-qastanija hija prodott tax-xehda tal-għasel ukoll. Il-kelma qastanija ġejja mill-kelma qastan, u mit-Taljan castagne. Sa fejn nafu llum, mhux normali li jintuża l-qastan fir-riċetta tal-qagħaq. Forsi r-rabta hija minħabba li l-lewn tal-qastanija huwa lewn il-qastan? Iżda ma noħodhiex bi kbira li xi darba matul is-snin kien jintuża l-qastan ukoll.

Jingħad li l-Qagħaq tal-Għasel ilhom isiru mis-seklu 15 żgur. Kienu jiekluhom bħala deżerta mal-inbid inkella f’ħin il-kafè jew it-tè. Il-forma ta’ qagħqa fiha sinifikat ta’ awguri dejjiema; simbolikament it-tond huwa etern, ma jintemm qatt.

Ir-rabta mal-Milied ma atntx għanda tagħrif dwarha, imma r-rabta ma’ dawn iż-żminijiet hija ċara. Uħud mill-ingredjenti, fosthom il-larinġ u qxur taċ-ċitru ikunu fl-istaġun tagħhom qrib il-Milied u allura kien aktar faċli li jsiru fl-istaġun xitwi milli f’xhur oħrajn.

It-togħma bnina tikxef għażla ta’ togħmiet mill-aqwa. Minbarra l-għasel iswed u l-qxur tal-larinġ, mandolin u lumi nsibu wkoll l-aniżett, l-ilma żahar u numru ta’ ħwawar aromatiċi. Dawn minbarra ingredjenti oħrajn għall-għaġina ħelwa u s-smid biex jgħaqqad il-mili.

Kif tista’ ma tikolx?

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN