Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Qajjenza

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Bejn Marsaxlokk u Birżebbuġa, mhux bogħod wisq minn dawn iż-żewġ irħula, imma meta konna ngħidu li sejrin il-Qajjenza, qisna qegħdin ngħidu li sejrin xi mkien ‘il bogħod… fejn ma jgħix ħadd, maqtugħ minn kullimkien. U hekk kien. B’differenza mil-lum, il-Qajjenza kienet baħħ… art maġenb il-baħar biex fiha kien hemm trejqa dejqa biex tasal bejn iż-żewġ irħula. Kulma kien hemm kienet batterija li għal ħafna snin kienet mitluqa, u impjant tal-gass bogħod minn kull residenza, dak iż-żmien.

Il-batterija fil-Qajjenza ġġib l-isem ta’ Ferretti. Minħabba li l-bajja ta’ Marsaxlokk fiha diversi daħliet fiha, minn dejjem kienet ideali għall-għadu li jidħol hemm u jsib kenn għall-bċejjeċ navali tiegħu. Ix-xtut baxxi kienu jgħinuh ukoll biex jista’ jinżel bil-kumdità u minn hemm jattakka l-bqija tal-gżira. Allura f’bajja bħal din dejjem kien hemm bżonn tal-forzi tad-difiża biex dan ma jseħħx. Il-bajja sħiħa ta’ Marsaxlokk, minn Delimara sa Bengħajsa, għalhekk, fiha diversi strutturi differenti għall-għassa u d-difiża, immexxija f’nofshom mit-Torri ta’ San Luċjan. Il-Batterija ta’ Ferretti nbniet lejn is-snin 1715 – 1716. Ġieli kienet imsejħa wkoll Batterija ta’ San Ġorġ, minħabba l-viċinanza mal-bajja ta’ San Ġorġ. Kienet fost l-ewwel batteriji li bena l-Ordni ta’ San Ġwann fix-xtut ta’ gżiritna. Madwar 900 skud mill-ispejjeż ħariġhom il-Kavallier Franscesco Maria Ferretti u għalhekk il-batterija ingħatat ismu.

Fis-snin sittin u sebgħin, il-bqija tal-Qajjenza kienet xagħri, iżda kull nhar ta’ Ħadd kienet timtela’ bin-nies, speċjalment fis-sajf. L-għannej Mikiel Abela l-Bambinu kellu kamra hemm u kienu jinġabru ħdejh għannejja oħrajn bħalu jgħddu waranofsinhar jgħannu. Naturalment kienu jinġabru wkoll ħafna dilettanti tal-għana. Il-Bambinu kellu wkoll karozza tal-linja mitluqa, ma taħdimx, f’nofs ir-raba’. Kien jużaha biex minn fuqha jbiegħ xi flixkun luminata jew xi birra… għax ebda ħanut ma kien jeżisti fil-qrib għal dawk in-nies kollha!

Kont tifel. Missieri kien imur jisma’ l-għana. Qatt ma ninsa minn minn nofs dak il-ftuħ kien hemm għaddejjin xi kanen ħoxnin tal-metall miżbugħin lewn il-fidda. Wara żmien sirt naf li dawk kienu jwasslu l-fuel mill-impjanti ħdejn il-baħar sa Ħas-Saptan…

Maż-żmien beda tiela’ l-bini…

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN