Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Qniepen

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

F’pajjiżna għandna ħafna. Wieħed mill-ħsejjes regolari f’kull belt u raħal jiġi żgur mill-qniepen tal-knisja jew knejjes tal-lokalità. It-tokki tal-qniepen mill-kampnari tal-knejjes iħabbru li tkun se tibda xi quddiesa funzjoni, iħabbru xi festa inkella xi okkażjoni ta’ niket. U għandhom modi differenti kif jindaqqu biex juru jekk it-tħabbira hix ta’ ferħ inkella ta’ niket. Imbagħad insibu knejjes li fihom arloġġ fil-kampnar bil-qniepen iħabbru l-ħin ukoll, u ara r-raħal kollu jistenna d-daqq tal-qniepen biex isir jaf il-ħin.

Id-daqq tal-qniepen kien anki sejħa għat-talb, mhux bilfors fil-knisja. Niftakar meta kienet iddoqq tat-tmienja ta’ filgħodu u f’nofsinhar ħafna nies, speċjalment xjuħ, kienu jieqfu jgħidu l-Angelus. U kull nhar ta’ Ġimgħa fit-tlieta ta’ wara nofsinhar, il-ħin tal-mewt ta’ Kristu, kienu jinstemgħu tokki kiebja u n-nies jieqfu jitolbu wkoll. F’dawn il-mumenti niftakar l-irġiel xjuħ anki jneħħu l-beritta kienu biex jitolbu.

Fl-imgħoddi, kienu jdoqqu l-Pater Noster u l-Ave Marija biex iħabbru l-bodu u t-tmiem tal-jum. Il-Pater Noster kien jindaqq kmieni ħafna, mas-sebħ biex ħafna biex il-bdiewa fl-irħula joħorġu għal xogħlhom. Imbagħad filgħaxija kienu jistennew l-Ave Marija, is-sinjal li ntemm il-jum, biex jindunaw li sar il-ħin biex jieqfu mill-ħidma u jerġgħu lura lejn ir-raħal u lejn il-familja tagħhom. Meta jmut xi ħadd kienet iddoqq mota. U kienet tindaqq differenti jekk imutx raġel inkella mara. Dan kollu juri kemm informazzjoni titwassal bid-daqq tal-qniepen.

Il-qniepen minn dejjem saru biex iwasslu ħoss, u allura jwasslu messaġġ. Qafas tal-metall bi lsien fin-nofs, speċi ta’ martell imdendel, li kif jaħbat mal-qafas joħloq nota. Forsi ħafna jassoċċjaw id-daqq tal-qniepen biss mar-reliġjon. Imma l-qniepen kienu jeżistu ħafna sekli qabel Kristu. Fiċ-Ċina jingħad li kellhom qniepen anki 30 seklu qabel Kristu.
L-akbar qanpiena f’Malta tinsab ħdejn il-Barrakka t’Isfel fil-mafkar tal-assedji, waqt li l-akbar qanpiena fuq knisja tinsab f’Birkirkara.

Jingħad li meta l-Franċiżi kienu daħlu l-Imdina fi tmiem is-seklu tmintax, is-sinjal biex jiġu l-bdiewa tal-irħula madwar u jiqfulhom, kien id-daqq tal-qniepen tal-knisja tal-Karmnu.

Insomma, l-qniepen kienu u għadhom iwasslu xi tip ta’ informazzjoni… minbarra għall-baqar u mogħoż li msieken idendlulhom qanpiena m’għonqhom biex kulħadd ikun jaf l-inqas ċaqlieqa li jagħmlu.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN