Bonġu Kafè
Kurżitajiet

Il-Qoffa

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Il-bniedem irid dejjem xi tip ta’ kontenitur biex iġorr l-affarijiet tiegħu minn post għall-ieħor. U l-mara tad-dar, meta tmur tixtri, bla dubju, tkun trid xi ħaġa biex fiha ġġorr dak li tkun xtrat mingħand bejjiegħa differenti, kemm fis-swieq inkella mill-ħwienet. Illum nużaw basktijiet magħmulin mill-karti, drapp inkella xi tip ta’ plastik. Imma fl-imgħoddi mhux imbiegħed kienu jużaw jew xi qoffa jew ġewlaq.

Il-qoffa tkun magħmula mill-qasab iebes u tinħadem b’sengħa kbira biex il-qasab ma jinħallx u l-qoffa tibqa’ sħiħa. Tiftakar fil-Ħamrun in-naħa t’isfel, l-inħawi tal-Blata l-Bajda fejn qabel ħafna iktar mil-lum, kont tgħaddi minn hekk u tara ħafna qasab ħdejn xi ħanut flimkien ma’ xi prodotti maħduma bil-qasab għall-bejgħ.

Dawn ma kinux ikunu qfief biss, imma anki ħsajjar, xi kontenitur għall-ħwejjeġ maħmuġin u anki xi għamara żgħira magħmulin kollha bil-qasab. Kont tarahom iqaxxru l-qasab biex ikunu jistgħu jaħdmuh. Kien ikollhom anki tip ta’ qasab impurtat, dak imsejjaħ rattan cane, dak li xxarrbu u jirtab biex jinħadem u jiġi mill-inħawi tal-Indonesja. Il-Ħamrun kellek familji sħaħ jaħdmu u jaqilgħu x’jieklu mill-qasab u x-xogħol tiegħu. Illum b’xorti ħażina ftit fadal min għadu jaħdimhom.

Minbarra l-qfief għax-xiri, kont issib ukoll il-qfief ikbar ta’ lewn aktar skur. Dawn kienu jsiru biex iġorru l-prodotti agrikoli mingħand il-bidwi qabel ma ġew ivvintati l-kaxxi tal-plastik ta’ llum. Kienu jużaw qfief ukoll biex fihom iżommu lin-nemes meta jmorru għall-kaċċa tal-fenek. Anki tal-kappar kienet tiġi ġġorr qoffa wiesa’ fuq dirgħajha biex tbiegħ fit-toroq.

Qfief iżgħar kienu jużawhom ukoll biex minnhom itellgħu in-numri tat-tombla. Il-qoffa kien hawn min jużaha wkoll meta jkunu joqgħodu f’xi blokk appartamenti fil-għoli, jorbtuha b’ħabel twil u jniżżluha biex itellgħu jew inewlu xi ħaġa mingħajr ma jinżlu t-taraġ.

Imma la l-qoffa ftit għad hawn min jaħdimha, ftit għadek issib minnhom jintużaw u l-ħajja tagħha tidher li waslet lejn tmiemha. Ħasra kbira.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN