Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Vapur tal-Art

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ftit fadal min jiftakar il-ferrovija f’Malta. Kull meta nitkellmu dwar magna tiġbed il-vaguni warajha biex iġġorr il-passiġġieri jew il-merkanzija dejjem moħħna jmur barra minn Malta fejn jintużaw ħafna. Imma f’Malta kellna wkoll bejn l-1883 u l-1931 u l-Maltin kienu jsejħulha l-vapur tal-art.

Taħsbux li kienu jsejħulha vapur tal-art biex iqabbluha ma’ xi bastiment li bħalha jġorr il-passiġġieri u l-merkanzija. Il-vapuri tal-baħar insejħulhom hekk għax fil-bidu kien jaħdmu bil-fwar, bit-Taljan vapore, u allura twieldet kelma ġdida. Il-ferrovija wkoll kienet iddaħħan il-fwar u allura saret vapur tal-art.

Il-ferrovija ta’ Malta kienet tivvjaġġa bejn il-belt Valletta u l-Imdina fuq linja waħda, b’tul ta’ aktar minn 11-il kilometru. Vjaġġ li qabel, b’xi żiemel kien jieħu aktar minn 3 sigħat, bil-ferrovija beda jieħu bejn wieħed u ieħor xi nofs siegħa. Imma f’Malta dak iż-żmien, l-ammont ta’ passiġġieri ma kienx biżżejjed biex il-kumpanija, Malta Railway Company Ltd, tagħmel il-qliegħ. Infatti l-kumpanija falliet u s-servizz
waqaf fl-1890. Imma l-Gvern Ingliż ma riedx li s-servizz jieqaf, speċjalment minħabba n-nies tiegħu stazzjonati fl-Imtarfa. Allura l-Gvern ħa l-ferrovija f’idejh… u mhux hekk biss, anzi tawwal il-linja minn taħt l-Imdina sal-Imtarfa.

L-istazzjon prinċipali kien fil-Belt, fejn illum hemm il-parlament. Kont tidħol f’binja u tinżel isfel biex tirkeb it-tren. Kien joħroġ mill-mina li tidher fil-baxx fuq il-lemin int u dieħel il-Belt u tgħaddi minn taħt il-Mall kollu. Minn hemm kien hemm waqfiet fil-Furjana taħt l-Argotti, il-Ħamrun ħdejn il-fabbrika tal-ħalib, l-Imsida/Sta Venera, Birkirkara fejn jieqfu tal-linja llum, Ħ’Attard wara Sant Anton, San Salvatur
quddiem l-Isptar Monte Karmeli, taħt l-Imdina maġenb it-Telgħa tas-Saqqajja u fl-aħħar tieqaf fin-naħa l-oħra tal-Imdina maġenb l-Imtarfa.

Id-dħul tat-Tramm fil-bidu tas-seklu għoxrin u aktar tard il-karozzi tal-linja li setgħu jaslu sa kull raħal mingħajr bżonn ta’ linji tal-ħadid fissi, għamlu s-servizz tal-vapur tal-art inqas sostenibbli u s-servizz waqaf darba għal dejjem.

Illum il-mini u xi pontijiet minn fejn kien jgħaddi l-vapur tal-art għadhom jeżistu. Anki xi stazzjonijiet għadhom hemm bħala tifkira ta’ dak is-servizz. Ħasra li ma fadal ebda magna li kienet tiġbed il-vaguni…u mill-vaguni fadal wieħed biss u jinsab Birkirkara.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN