Radju Kafé
Kurżitajiet

Il-Vitorja u l-Bambina

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Jum il-Vitorja jfakkarna fit-twelid tal-Madonna. Għalhekk insejħulha l-Bambina. U f’pajjiżna jagħmlulha festa fl-Isla, in-Naxxar, il-Mellieħa u fix-Xagħra. Hija festa li biha nindunaw li l-istaġun tal-festi wasal lejn tmiemu. La daħal Settembru t-tfal jibdew jippreparaw kontra qalbhom biex jerġgħu imorru l-iskola wara sajf sħiħ igawdu.

Dil-ġurnata tissejjaħ il-Vitorja għax fiha hemm żewġ anniversarji ta’ rebħ ta’ gwerer.

Niftakru fl-1565 meta kien seħħ l-Assedju l-Kbir u wara ħafna insistenza li jirbħu gżiritna, it-Torok ta’ Sulejman kellhom jirtiraw u jitilqu lura b’idhom f’idhom, anzi b’ħafna nies li ġabu magħhom neqsin. Kienet gwerra reliġjuża aktar minn kull ħaġa oħra. L-Imperu Ottoman mhux blata żgħira ried jirbaħ, għalkemm strateġikament Malta dejjem importanti. Ried jirbaħ lill-Ordni ta’ San Ġwann; pika bejn żewġ qawwiet li twieldet fil-kruċjati fl-Art Imqaddsa. Wara li tkeċċew minn Rodi, l-Kavallieri għamlu 7 snin ibaħħru bla ma kellhom dar fejn joqgħodu. Imbagħad ingħataw lil Malta u ftit snin wara sabu lil dawn it-Torok li riedu jqalftuhom ’il barra. U allura f’din it-taqtiegħa kollha daħlet Malta bħal Pilatu f’nofs il-kredu. Allura jfisser li kieku ma ġewx il-Kavallieri lanqas biss konna nidħlu fil-ġlieda. Ħadd ma kien jassedjana.

Kultant nistaqsi; jekk aħna niċċelebraw rebħa fuq razza oħra, jista’ jissejjaħ razziżmu? Jew fuq kollox lanqas ir-razza tagħna ma kienet? Għax il-Kavallieri rebħu! Imma le, bilħaqq… aħna tfajniehom iż-żejt. Bilfors li nzerta prezz tajjeb dakinhar.

Imma insomma l-Assedju intrebaħ u b’riżultat ta’ hekk inbniet belt kapitali u l-ewwel binja tagħha kienet propju knisja ddedikata lil-Vitorja, dik ta’ maġenb Kastilja.

U f’dan il-jum niċċelebraw ukoll ir-rebħa tat-Tieni Gwerra Dinjija. Anzi jingħad li t-tħabbira li l-Italja ċediet, u allura Malta ħelset mill-gwerra, kienet ingħatat minn Kaptan Ingliż lill-Arċipriet tal-Isla waqt il-purċissjoni bil-Bambina. L-Arċipriet kien ta l-aħbar lill-poplu u bla dubju kulħadd feraħ. Dakinhar ukoll niddubita kieku ma kienx hawn l-Ingliżi f’Malta konniex nidħlu fil-gwerra.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN