Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Vjatku

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Il-poplu Malti għandu tradizzjoni twila reliġjuża. U allura r-reliġjon tidħol f’kull parti tal-ħajja, speċjalment fl-aktar waqtiet importanti. La l-bniedem ikun għadda ħajtu kollha jattendi l-quddies u jitqarben, kienet ovvja li meta l-persuna tkun rikoverata f’darha minħabba l-mard jew xjuħija, il-qassis imur iżurha f’darha biex iwasslilha dak li ma tistax tasal għalih hi. Il-qassis iġorr l-ostja mqaddsa biex iqarben lill-morda jew moribondi. U dan kien isir b’mod mill-aktar solenni.

Il-kelma vjatku ġejja mil-Latin viaticum, li tfisser proviżjon għall-vjaġġ li ġej. Permezz tal-vjatku, is-Sagrament kien jgħaddi minn nofs l-irħula u l-ibliet fi triqtu lejn il-morda u agonizzanti biex jippreparahom għall-ħajja li jmiss. Kien isir vjatku regolari wara l-Għid biex iwassal tqarbina lill-morda, imbagħad kien hemm il-vjatku l-ieħor, li kien isir lejl u nhar skont il-qagħda tal-marid, biex minbarra t-tqarbina ssir ukoll il-griżma tal-morda u għalhekk l-aħħar sagrament.

Kien hemm żmien il-vjatku kienu jieħdu sehem fih il-fratellanzi tas-sagrament. Naturalment kienu jieħdu sehem bix-xemgħa, fanali, abbati bis-salib, xi tifel idoqq il-qanpiena biex iħabbar li riesaq il-vjatku u baldakkin fuq il-qassis u s-sagrament. Ħafna nies kienu jsiru jafu li ħiereġ vjatku għax mill-kampnar kienu jindaqqu ħames tokki.

U arahom ir-raħlin joħorġu fit-triq, jinżlu għarkupptejhom, jgħidu xi talba, l-irġiel ineħħu l-beritta, u jitkellmu bejniethom forsi jsiru jafu għand min sejjer. .. u miskin jew miskina kemm kienu nies sewwa! Ħafna nies kienu anki jakkumpanjaw il-vjatku billi jimxu warajh. Kien hemm żmien li setgħu jakkumpanjaw l-irġiel biss waqt li n-nisa setgħu jixgħelu xemgħa jew fanal f’xi tieqa fid-dar minn fejn jgħaddi l-vjatku.

Imma meta vjatku kien isir malajr għax il-marid qaleb u ħażin, l-aktar meta jkun mal-lejl jew waqt xi maltempata, is-solennità kienet tonqos u jsir biss dak li kien ikun hemm bżonn. Imma ġieli saru vjatki b’solennità aktar minn drabi oħrajn. Meta kien ikun wasal fl-aħħar xi Gran Mastru, kienu jieħdu sehem fil-vjatku l-Kavallieri sħabu bit-torċi f’idhom, b’xi standard tad-damask fuq quddiem u jieħdu sehem ukoll
il-kappillani u s-servjenti kollha tal-palazz.

Illum iż-żminijiet inbidlu…

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN