Joe Julian Filgħodu
Lokali

Il-Vulcan

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Fl-imgħoddi, qabel inbniet ir-runway li tieħu lejn Ħal Far, fil-mitjar ta’ Ħal Luqa, kien hemm biss ir-runway li llum ngħidulha “l-antika”, jiġifieri dik li minn fuq ir-raħal ta’ Ħal Luqa tieħu lejn l-Imqabba. U allura l-ajruplani kienu jitilgħu u jinżlu jew min-naħa tas-Salib tal-Għolja inkella minn fuq ix-Xgħajra u Raħal Ġdid.

Fl-1975 kien għad hawn l-Ingliżi f’Malta u fost postijiet oħrajn, il-mitjar kien għadu f’idhom biex minnu jħaddmu l-Air Force fl-inħawi ċentrali tal-Mediterran. Kien żmien meta kien isir ħafna taħriġ bl-ajruplani Canberra u Vulcan. Kienu jitilgħu u jinżlu ma nafx kemm-il darba kuljum milistess rotta, qishom f’rutina li kulħadda kien dara.

Iżda fl-14 t’Ottubru ta’ dik is-sena, ajruplan minnhom, Vulcan Bomber, kien ġej direttament mill-Ingilterra u spiċċa fl-aħbarijiet. Jingħad li l-bdot ħalla f’idejn l-assistent tiegħu biex jillandja l-ajruplan fir-runway. Huwa ma rnexxilux iniżżlu sew anzi l-ajruplan ġratlu l-ħsara. Il-bdot reġa’ ħa l-inkarigu, reġa’ tajjar l-ajruplan u għamel dawra biex jerġa’ jinżel mill-istess direzzjoni. Iżda, fis-1.15 ta’ waranofsinhar, hu u ġej minn fuq Ħaż-Żabbar, l-ajruplan sploda fis-sema u l-bċejjeċ tiegħu jaqbdu waqgħu fuq iċ-ċentru tar-raħal. Parti kbira minnu niżlet fi Triq is-Santwarju, li ma tantx hi triq wiesgħa wisq. Mad-daqqa infirex il-fuel jaqbad ma’ kullimkien u mara li kienet għaddejja mit-triq, Vincenza Zammit ta’ 48 sena, mietet fuq
il-post.

Bċejjeċ oħrajn mill-ajruplan infirxu mal-madwar fosthom fuq l-iskola u fl-għalqa magħrufa bħala Tal-Qottu. Il-ħames membri tal-kru, kollha Ingliżi, mietu wkoll. Ġarrbu ħsarat ħafna djar tat-triq prinċipali. Għadd ta’ residenti ġew bżonn għajnuna medika għax belgħu id-dħaħen, jew indarbu.

L-inċident tant gravi f’nofs raħal residenzjali seta’ kellu konsegwenzi ħafna iktar koroh u traġiċi. L-impatt fuq Triq is-Santwarju u fuq l-iskola seta’ ħalla ħafna iktar vittmi. Infatti ż-Żabbarin jgħidu li dakinhar seħħ miraklu bl-interċessjoni tal-Madonna tal-Grazzja, patrun tar-raħal. Infatti fil-mużew ta-santwarju tar-raħal hemm diversi bċejjeċ u fdalijiet tal-ajruplan.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN