Bonġu Kafé
Kurżitajiet

In-Nassa

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Kemm kont nieħu ġost ma’ missieri meta konna nistadu bin-nases. Ġieli morna nistadu bihom fuq il-kajjikk, u ġieli morna anki mill-art minn fuq xi rdum, jew Ħal Far inkella Wied iż-Żurrieq. Tinduna kemm il-bniedem kapaċi joħloq xi ħaġa li l-ħut ma jintebahx kemm hi magħmula biex iddaħħlu fis-saram… ma jintebaħx li dik hija nassa. Jidħol jista’ imma jerġa joħroġ le.

Struttura tal-qasab maqtugħ irqiq biex ma tantx jagħti fil-għajn, magħmul f’forma ta’ qafas u b’daħla waħda minn taħt bil-ponot tal-qasab twal ’il ġewwa biex min jipprova joħroġ iniggeż mat-tarf tal-qasba u ma jkunx jista’. F’nofs il-qafas jiddendel ponn ful mitħun mgħaffeġ mal-ħobż imxarrab ġo xibka żgħira biex iħajjar il-vopi jew iċ-ċawl jidħol jiekol… miskin!

Ġieli rajt ukoll nases differenti. Hemm minnhom kbar u tawwalin magħmulin biex jinqabad l-arżnell u oħrajn tal-firdiferru f’forma ta’ kaxxa biex jinqabad il-qarnit. Lil dawn mhux bil-ġobon jistaduhom imma b’xi rizzi mkissrin.

Hawn min mhux għall-ħut biss juża xi nassa. Jekk jidħollok xi ġurdien id-dar malajr jgħidulek tmur tixtri nassa u tarmaha. Ġurdien b’xi biċċa ġobon taqbdu. Din in-nassa tkun magħmula b’tali mod li biex il-ġurdien jasal għal fejn tkun il-ġobon bilfors irid jirfes fejn ifaqqa’ n-nassa hu stess. Il-ġurdien jinqabad fiha u m’għandux ċans joħroġ, jekk ma jkunx xi far daqsiex u jaħrab bin-nassa b’kollox!

Anki l-pitirrossi kienu jaqbduhom f’tip ta’ nassa… kienu jsejħulu trabokk. Kien ikun qisu gaġġa kbira maqsum f’żewġ partijiet. F’parti minnhom ipoġġu pitirross, u l-parti l-oħra tkun bil-bieba miftuħa apposta biex kif jiġi pitirross ieħor biex jiġġieled lil dak ta’ ġewwa, tingħalaq il-bieba b’sabta u miskin jinqabad. Imsieken il-pitirrossi maqbuda li ftit minnhom kienu jgħixu. L-insib għall-pitirrossi huwa illegali u kattiverja… għax ħafna minnhom imutu.

U bilħaqq, minbarra l-ħut il-ġrieden u l-għasafar, anki l-bniedem jista’ jidħol f’nassa. Hawn min għandu ħabta jdaħħlek f’nassa bħal ġurdien… u kultant daqs il-ġurdien diffiċli toħroġ minnha.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN